Wednesday, June 4, 2025

IL-KORP TAL-PULIZIJA JKOMPLI JIMMODERNIZZA

Aqra wkoll

F’inqas minn sena mit-twaqqif tas-servizz ġdid li beda jingħata mill-Korp tal-Pulizija tar-Remote Reporting, jew aħjar rapporti online, diġà kien hemm ammont konsiderevoli ta’ persuni li għamlu użu minn dan is-servizz. Fil-fatt, sar magħruf li sa issa saru mas-7,500 rapport online fuq din il-pjattaforma diġitali ġdida, li bdiet topera f’Lulju tal-2024. Għalhekk meta wieħed iqis dan l-ammont kbir ta’ rapporti, jifhem aħjar kemm dan is-servizz huwa utli u kemm qiegħed jintlaqa’ b’mod tajjeb mill-pubbliku inġenerali. 

Tagħrif mogħti mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fil-Parlament bi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputata Laburista Ramona Attard, jikkonferma l-impenn tal-Korp tal-Pulizija li jkompli jiżviluppa aktar il-ħidma tiegħu favur il-pubbliku. B’hekk, dan l-istess żvilupp qiegħed jagħmilha possibbli li aktar persuni, mill-kumdità ta’ darhom, jagħmlu r-rapport tagħhom online, li ma jkunux ta’ natura gravi jew urġenti. 

Din però hija biss waħda mill-modi ta’ kif jistgħu jsiru rapporti, billi dawk tradizzjonali baqgħu hemm fosthom ir-rapporti li jsiru fl-Għases tal-Pulizija fejn anke nħolqu skwadri speċjalizzati għal dan il-għan kif ukoll l-appoġġ li qiegħed jingħata mill-Pulizija tal-Komunità.

Dan kollu amalgamat flimkien joffri għajnuna aktar ħolistika lill-individwu f’każ li jkollu bżonn ta’ tali servizz. Huwa wkoll prova tal-impenn tal-Pulizija li jiddefendu u jipproteġu liċ-ċittadin.

Fil-fehma tagħna, dan u servizzi oħra offruti mill-pulizija, iġibu fix-xejn kull kritika jew allegazzjoni li l-Korp tal-Pulizija huwa ineffiċjenti jew li jħares lejn l-uċuh. Kritika u akkużi bħalma huma dawn rajniehom iseħħu iktar minn darba partikolarment minn organizzazzjonijiet li huma ispirati minn sens ta’ politika partiġġjana u li moħħom biss biex joskuraw u jimminaw istituzzjonijiet tal-istat.

Nemmnu bis-sħiħ li l-Korp tal-Pulizija huwa integru biżżejjed biex ikompli jkabbar u jiġbed lejh il-fiduċja tal-poplu kif wara kollox indikaw ċertu statistiċi li 90 fil-mija tal-Maltin u l-Għawdxin jafdaw lill-Korp.

Minkejja dan kollu, nkomplu nħeġġu aktar investiment fir-riżors uman u finanzjarju tal-Korp tal-Pulizija biex jibqa’ jkun ta’ tarka solida mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini kollha f’dan pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport