Tuesday, December 24, 2024

Il-Korp tal-Pulizija jkompli jissaħħaħ bl-ingaġġ ta’ 40 kuntistabbli oħra

Aqra wkoll

40 kuntistabbli għadhom kemm ġew ingaġġati fil-Korp tal-Pulizija wara li temmew b’suċċess seba’ xhur reklutaġġ b’taħriġ intensiv immexxi mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, u li permezz ta’ dan se jkunu ta’ servizz għall-komunità u għall-pajjiż.

Matul il-Kors, li huwa rikonoxxut mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, huma ġew mgħallma diversi suġġetti, fosthom l-etika, id-diversità, il-liġijiet ta’ Malta, regoli u proċeduri, investigazzjonijiet ta’ reati (inkluż dwar il-vjolenza domestika, l-abbuż tat-tfal fuq siti elettroniċi u offiżi sesswali) u għarfien dwar is-saħħa mentali.

Luca Mifsud ngħata l-‘PC Mark Farrugia Award’ bħala rikonoxximent talli kien l-iktar rekluta li ddistingwa ruħu minn fost l-40 reklut/a.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri fakkar lill-kuntistabbli preżenti sabiex jaqdu dmirhom b’mod ġust u b’ċerta dinjità: “Kunu integri u għaqdu dmirkom b’sens ta’ ġustizzja, b’dinjità lejn kull persuna li jkollha bżonn is-servizz tagħkom u b’sens ta’ empatija. Kunu intom it-tarka tas-soċjetà li fuq spallejkom tpoġġi responsabbiltà u fiduċja”.

Fl-istess waqt, il-Ministru Camilleri wiegħed li l-Gvern se jibqa’ jinvesti fl-uffiċjali tal-Korp, fost l-oħrajn permezz ta’ ftehim settorjali li qed ikun diskuss sabiex jiġi mġedded, kif ukoll f’dak li hu taħriġ, edukazzjoni u għodda meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, filwaqt li feraħ lill-kuntistabbli l-ġodda, fid-diskors tiegħu enfasizza li din hija karriera unika; karriera li permezz tagħha l-pulizija jikkommettu ruħhom li jkomplu jitħarrġu f’din il-professjoni, fosthom permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ diversi entitajiet, inkluż l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, l-Università ta’ Malta u istituzzjonijiet internazzjonali.

Huwa sostna li għandhom għalfejn ikunu kburin li jilbsu l-uniformi ta’ pulizija, u fakkarhom ukoll li fost ir-responsabbiltajiet li għandhom bħala uffiċjali, għandhom jassiguraw li jonoraw il-valuri tal-kontabilità, il-ġustizzja, l-onestà, l-integrità u r-rispett.

Għal din iċ-ċerimonja attendew ukoll il-Kmandant tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati, Karen Galea; iċ-Chairperson tal-Bord tal-Akkademja, il-Prof. Raymond Mangion; u d-Direttur tal-Istudji, il-Kaptan Reuben Lanfranco.

Ekonomija

Sport