Wednesday, April 24, 2024

Il-korpi pubbliċi

Aqra wkoll

Minn Dr Alfred Sant

Sa minn meta bdew jitwaqqfu fit-tieni nofs tas-snin 60 tas-seklu l-ieħor, il-korpi publiċi kienu maħsuba biex iwettqu xogħol “ġdid” tal-gvern li ħtieġlu flessibilità akbar milli setgħu jipprovdu l-istrutturi taċ-ċivil. Ukoll kellhom joħolqu livell ta’ responsabbiltà fit-twettiq ta’ deċiżjonijiet li jkun separat minn dak politiku.

Ġeneralment il-ħidmiet “ġodda” kienu se jkunu regolatorji (kif tinħareġ il-munita, kif isir il-kummerċ, kif jitwaqqfu u jitmexxew azjendi, kif titkabbar l-infrastruttura). Mas-snin, l-użu tal-aġenziji publiċi twessa u tħawwad fl-operat.

Iddaħħlu regoli fuq deċiżjonijiet li jieħdu l-korpi li huma f’kollox l-istess bħal taċ-ċivil. Hemm korpi li josservawhom skrupulożament u jispiċċaw paralizzati. Oħrajn jitmejlu mir-regoli u jsiru qishom pirati.

Imbagħad f’ħafna każi, l-aġenziji jservu bħala daħna li tgħatti r-responsabbiltajiet. Ikun “iddeċieda” l-politikant, imma jidher li qed jiffirma l-bord. Imbagħad il-membri tiegħu jgħidu li huma ffirmaw skont l-ordni li ngħataw, mhux għax kienu jafu x’inhu għaddej.

Hemm bżonn li l-operat tal-korpi publiċi jerġa’ jitqies mill-qiegħ.

***

Kontabilità

Teżisti differenza kruċjali bejn it-tmexxija privata u dik publika. Tal-ewwel għandha r-responsabbiltà li tagħti l-aqwa rendikont lis-sidien (ħalliha li hemm ċerti aspetti ta’ responsabbiltà soċjali fejn it-tmexxija privata trid ukoll tkun lesta tagħti rendikont lill-awtoritajiet publiċi). Sadattant, ir-rendikont lis-sidien jista’ jsir fil-privat u b’mod differenti minn azjenda għal oħra.

Fit-tmexxija publika, il-kontabilità trid tkun publika jew lesta biex malli ssir talba, tkun tassew miftuħa u trasparenti.

Hawn wisq nies f’pajjiżna llum li ma jridux jagħrfu, jew ma jafux jirrispettaw din id-differenza bejn il-privat u l-publiku. Min qiegħed fil-publiku, anke jekk ġej mis-settur privat u daqt jitlaq lura, għandu l-obbligu li josserva r-regoli ta’ kontabilità li jgħoddu għall-publiku.

***

Nervi

Hi impressjoni tiegħi biss?

Donnu li fost ħafna nies, f’dan l-aħħar tas-sena 2020, kiber sew is-sentiment ta’ nervi u nervożizmi. Ħafna jħossuhom irritati… u tifhem għaliex. Ir-restrizzjonijiet tal-ħajja fil-kundizzjonijiet ta’ pandemija għadhom xokk għal ħafna minna.

Biex tagħqad, ftit issuspettaw li l-biċċa se ttul daqshekk. Ma għenux l-affari l-pronostki li saru kmieni wisq dwar kif l-agħar kien għadda meta filfatt, l-agħar kien għadu ġej.

U issa l-istennija għall-vaċċin qed iżżid fid-dwejjaq tal-inċertezzi u tal-aspettattiva.

Iridu jkun s-soċjalpsikologi li jiddeċiedu jekk hux veru li fostna, individwalment u bħala soċjetà, żdiedux in-nervi. Jekk dil-ħaġa qed tiġri, forsi l-aħjar mod kif nikkumbattuha hu billi nsostnu li wara kollox, b’dak li għaddejna minnu, hi żvilupp naturali. Irrridu nagħrfuh bħala tali, naċċettawh bil-“kalma” u nistennew li jisfuma meta naslu, kif se naslu, għall-irkupru.

Sport