Fl-2022 fil-Qrati ta’ Malta ġew ippreżentati 524 kawżi ta’ divorzju, ammont inkwetanti meta wieħed iqis li bħala medja kull xahar 44 żwieġ jispiċċaw. Dan ifisser li ta’ kuljum aktar miinn koppja waħda qiegħda titlob li tingħata d-divorzju. Ma’ dan l-ammont wieħed irid jikkonsidra dawk il-kawżi tad-divorzju ppreżentati f’Għawdex, li għall-2022 kien hemm 20 kawża. Barra minnhekk, hemm imbagħad it-talbiet ta’ separazzjonijiet li fiż-żewġ gżejjer fl-istess sena saru xejn inqas minn 205 waħda. Dawn ma jinkludux il-kawżi bonarji li fit-12-il xahar tas-sena l-oħra kien hemm total ta’ 342.
Quddiem dan ix-xenarju ta’ sitwazzjoni deskritta bħala “waħda komuni” imma fil-verità hija ta’ theddida għall-familji li huma s-sinsla tas-soċjetà, dan is-sit tkellem mad-Direttur tal-Moviment Kana, il-Monsinjur Charles Attard. Fl-intervista dan ikkonferma li s-soċjetà għandha sfida kbira quddiemha u saħaq li ż-żwieġ mhuwiex “fairy tale” imma vjaġġ ta’ impenn fejn il-koppji f’diffikultajiet m’għandhomx jaqtgħu qalbhom imma jfittxu l-għajnuna.
Il-Monsinjur Attard qalilna li s-sena l-oħra kellhom 793 koppja li attendew għall-kors ta’ Kana imma spjega li dan il-kors “ma jagħmilx mirakli”. Huwa qal li fost l-isfidi li l-koppji tal-lum qegħdin jiffaċċjaw hemm dawk finanzjarji u t-tentazzjonijiet fuq il-midja soċjali.
Id-Direttur ta’ Kana ta l-parir li meta f’relazzjoni tixgħel il-bozza l-ħamra, importanti li jkun hemm komunikazzjoni bejn il-koppja, ħaġa li naqset ħafna f’dawn iż-żminijiet minħabba li l-koppji qegħdin jaħdmu t-tnejn u wara jridu jlaħħqu max-xogħol tad-dar ukoll.
Statistika wriet li s-sena l-oħra fil-Qrati ta’ Malta ġew ippreżentati 524 kawżi ta’ divorzju. Quddiem din l-isfida xtaqna nieħdu l-opinjoni tiegħek fir-rigward.
Iva, naqbel miegħek li din hija sfida kbira għas-soċjetà kollha għax il-familja hija l-ewwel ċellola ta’ kull soċjetà.
X’taħseb li qiegħed iwassal għal dan l-ammont ta’ divorzji f’Malta?
Ikun tajjeb ħafna jekk issir riċerka fuq x’qiegħed iwassal għal din is-sitwazzjoni. Hemm ħafna fatturi u se nsemmi xi wħud.
L-ewwelnett hemm il-fattur tal-komunikazzjoni jew nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-koppja. Illum il-koppja jaħdmu t-tnejn għax hekk hemm bżonn. Meta jaslu d-dar ikun fadal ħafna xogħol xi jsir. Mela diġà hemm l-għejja tax-xogħol. Imbagħad hemm l-istress li trid tkompli x-xogħol tad-dar. X’ħin se nieqfu u ngawdu lil xulxin bil-preżenza ta’ xulxin?
It-tieni hemm il-fattur finanzjarju. Il-koppja ta’ bilfors ikollhom jaħdmu t-tnejn għax is-self mill-bank għall-akkomodazzjoni (loans), iridu jitħallsu. Tħoss qalbek tingħafas meta l-koppja ma jkollhiex ċans tistrieħ ftit. Anzi, jgħidulek li ‘hemm bżonn naħdmu iktar biex naqilgħu iktar flus ħalli jekk jista’ jkun il-loan neħilsu minnu kemm jista’ jkun malajr’.
Il-media soċjali, għalkemm għandna bżonnha ħafna, jista’ jkun imma li tkun ukoll fattur ieħor ta’ din is-sitwazzjoni. Meta koppja ma jkollhiex ħin għal xulxin faċli ħafna taqa’ fit-tentazzjoni ta’ ħbiberiji oħra ma’ persuni oħrajn. Kull bniedem iħoss il-bżonn li jikkomunika u għalhekk jiġri li meta l-koppja ma jkollhiex ċans għal xulxin jibdew iħarsu ‘mit-tieqa ‘l barra’, jiġifieri jibdew komunikazzjoni ma’ ħaddieħor bil-konsegwenza li din ma tibqax biss ħbiberija imma ssir relazzjoni.
Kemm kellkom koppji f’korsijiet ta’ Kana s-sena l-oħra? Liema suġġetti tiddiskutu fihom u saru aġġornamenti tul is-snin?
Is-sena l-oħra kien hemm 793 koppja li attendew għall-kors ta’ Kana. Is-suġġetti huma: ir-relazzjoni tiegħi miegħi nnifsi, mas-sieħeb/sieħba tiegħi u ma’ Alla. Imbagħad sessjoni oħra titratta fuq kif jaħsibha l-individwu fuq iż-żwieġ Nisrani. Suġġetti oħrajn fil-kors huma l-komunikazzjoni; il-konflitti; il-ħajja sesswali; lejn żwieġ li jagħti l-ħajja; u l-impenn ta’ żwieġ għal dejjem.
Il-kors ta’ Kana jiġi aġġornat regolarment u għalhekk isiru diversi laqgħat u seminars ta’ formazzjoni għall-koppji mexxejja, jiġifieri l-koppji miżżewġa li jakkumpanjaw lill-koppji għarajjes matul il-kors u anke wara li jspiċċa l-kors.
Iż-żgħażagħ għadhom ifittxu l-Knisja bħala preparazzjoni taż-żwieġ tagħhom?
Dawk li jixtiequ jiċċelebraw iż-żwieġ bil-Knisja jridu jagħmlu kors ta’ preparazzjoni għaż-żwieġ. Iva, nista’ ngħid li l-maġġoranza ta’ dawk li jixtiequ jiżżewwġu bil-Knisja jfittxu l-kors ta’ Kana.
Hawn nixtieq ngħid li l-kors ta’ Kana ma jagħmilx mirakli. Il-kors ta’ Kana huwa biss ‘apetizer’ li jħajjar lill-koppja li jekk trid relazzjoni soda u sabiħa fiż-żwieġ, ma tikkuntenatx biss fl-10 laqgħat li jsiru fil-kors ta’ Kana, imma jkomplu jiddiskutu bejniethom u jekk jaraw li hemm sitwazzjonijiet li jitolbu aktar approfondiment, ikun jaqbel li jieqfu u jirriflettu, kif ukoll jitolbu l-għajnuna. Jiena naf b’diversi koppji li kellhom il-kuraġġ jieqfu meta ndunaw li qiegħda tixgħel il-bozza l-ħamra.
Quddiem il-Knisja Kattolika, persuna li tiddivorzja u terġa’ tiżżewweġ, tista’ titqarben?
Għal din il-mistoqsija jiena nissuġerixxi li jekk koppja tinsab f’din is-sitwazzjoni ta’ divorzju u tkun tixtieq titqarben, nissuġerilha ssib lil xi saċerdot adattat li jkun jista’ jakkumpanjaha fil-mixja kollha. Dan huwa l-metodu li jissuġġerixxi li jsir Papa Franġisku.
X’parir tagħti lill-koppji li se jiżżewġu u x’parir tagħti lil dawk li se jiddivorzjaw?
Il-parir tiegħi għal dawk il-koppji li se jiżżewġu huwa li ż-żwieġ mhuwiex ‘fairy tale’ kif kultant ipenġulna. Iż-żwieġ huwa vjaġġ u bħal f’kull vjaġġ issib id-diffikultà. Issib l-ikrah imma ssib is-sabiħ ukoll. Issib il-mumenti ta’ qtigħ il-qalb imma ssib il-mumenti ta’ kuraġġ.
Meta tkun se tibda vjaġġ, huwa importanti ħafna li tipprepara ruħek għalih u għalhekk hemm bżonn ta’ preparazzjoni tajba. Kultant niltaqgħu ma’ każijiet fejn jitolbuna preparazzjoni għaż-żwieġ ‘short term’. Jiddispjaċini ħafna meta jkollna każijiet bħal dawn.
Waqt il-vjaġġ, huwa importanti ħafna li jkollok lil min jiggwidak. Għalhekk, lill-koppji li se jiżżewġu ngħidilhom, ‘ħallu lil Kristu jkun il-gwida tagħkom. Huwa wegħedna li se jibqa’ dejjem magħna meta qalilna ‘Jiena Magħkom Dejjem’. Ġesù huwa l-gwida li ma titlaqniex u s-servizzi tiegħu huma bla ħlas’.
Min-naħa l-oħra, dawk il-koppji li se jiddivorzjaw, waslu s’hawn kontra qalbhom għax żgur ma kienx dak il-pjan li kellhom għaż-żwieġ tagħhom. Għalhekk li dawn ngħidilhom, ‘tgħaġġlux!għax din taf tkun deċizjoni li se ġġib magħha ħafna wġieħ. Fittxu l-għajnuna. Il-Moviment ta’ Kana joffri ħafna servizzi ta’ terapija u ‘counselling’.
It-tfal minn koppji sseparati jispiċċaw ibatu minn din is-sitwazzjoni. X’inhuwa l-ħsieb tiegħek dwar dan?
It-tfal minn familji ta’ koppji sseparati ħafna drabi jkunu vittma ta’ tbatija kbira, tbatija li jaf ikollha ħafna konsegwenzi. Il-Moviment ta’ Kana flimkien mal-Caritas waqqafna fergħa li tieħu ħsieb il-ħidma ma’ persuni sseparati.
Dan l-aħħar bdejna naraw kif din il-fergħa tista’ tkun ta’ għajnuna u sapport għal tfal u adoloxxenti li l-ġenituri tagħhom għaddejjin minn dan il-proċess. L-iskop huwa li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt tas-separazzjoni u eventwalment id-divorzju.