Thursday, July 10, 2025

‘Il-kowċing fil-grassroots għenni naqbad il-karriera t’Għalliem’ – Noel Seguna

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

 Mindu kont tifel żgħir dejjem niftakarni fil-futbol. Missieri mill-Belt u kien ikaxkarni miegħu għal kull logħba li l-Belt kienu jilagħbu. Meta kont għadni żgħir, f’nofs is-snin 90, il-Belt kellu perjodu tajjeb ħafna bi plejers li kienu jispikkaw bħal Joe Zarb, Kris Laferla, Nicky Saliba, Jesmond Zerafa, eċċ li kienu jpaxxu lil kull min kien jarahom jilagħbu.   Wara numru ta’ żmien li nqtajt mill-istadium, iddeċidejt li nibda avventura ġdida fin-nursery ta’ Żejtun Corinthians. Dħalt ngħin fis-sezzjonijiet iż-żgħar u nista’ ngħid li mill-2008 ’il haw bqajt għaddej staġun wara ieħor naħdem fil-grassroots.   Eventwalment, ġejt f’punt fi żmien il-Covid-19, fejn spiċċajt bl-impjieg mhedded. Għaldaqstant għamilt il-kuraġġ u wara iktar minn 20 sena naħdem f’ambjent t’uffiċċju, bdejt naħdem bħala għalliem supplimentari. Illum il-ġurnata għadni fil-qasam edukattiv u bdejt il-kors sabiex insir għalliem regolari. Nemmen li dan il-pass għamiltu peress li kelli l-esperjenza fil-futbol mat-tfal, għax kieku ma naħsibx li kont nagħmel dan il-pass. Servieni ta’ stepping stone biex bdilt il-qasam kompletament.  
2.  Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tal-U7s ta’ Hibernians FC.
 Ma’ Hibernians ilni għal dawn l-aħħar ħames staġuni. Bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja, kien hemm l-ups and downs, imma on the whole kienu 5 snin sbieħ li fihom tgħallimt ħafna. Dan l-aħħar staġun kelli t-tfal li twieldu fl-2018 u nista’ ngħid li kellna esperjenza pożittiva ħafna. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir tara t-tfal jimpruvjaw u jieħdu gost jilagħbu l-futbol.  
3.Kemm taħdem mill-qrib mal-head coach, Andrei Agius?
 Mingħand il-head coach Andrei, dejjem rajt rispett. Kien hemm drabi fejn ma qbilniex, però r-rispett dejjem kien wieħed reċiproku. Barra minn hekk sibt support kbir mingħandu peress li qed nagħmel il-kors part-time, u ta’ dan jien grat ħafna. Għadni stima kbira lejn Andrei, huwa bniedem tal-affari tiegħu li għandu viżjoni u li jaf xi jrid u fejn irid jasal.  
4.Huwa fatt magħruf li ttim tal-kbar ta’ Hibernians FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-nursery tagħkom. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?
 Iva, naqbel li l-investiment li sar fin-nursery dan l-aħħar qed irodd il-frott. Illum il-ġurnata mhux faċli sabiex zgħażagħ Maltin isibu posthom f’tim lokalment rinomat bħal Hibernians, però nemmen li b’attitudni pożittiva u b’ħafna sagrifiċju, it-talent lokali kapaċi jagħmilha. Nemmen li llum il-ġurnata hemm ħafna iktar kompetizzjoni.  
5.Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
 Inqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna bħala tajjeb ħafna. Ħafna nurseries ikollhom prestazzjonijiet tajba meta jmorru jilagħbu festivals u tournaments barra minn Malta, kif ukoll meta timijiet rinomati jiġu għal festival hawn Malta. Però nemmen li biex issir il-qabża fil-kwalità, irid ikun hemm iktar żgħażagħ li jieħdu opportunitajiet barra minn Malta. Huwa diffiċli fil-kultura tagħna biex żgħażagħ jagħmluha barra l-pajjiż, però dan huwa l-mod kif il-livell tal-futbol lokali, speċjalment dak tan-nazzjonal jista’ jagħmel il-qabża ’l quddiem.  
6.  U dak talfutbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul issnin?
 Biex inkun onest ma tantx għadni nsegwi futbol lokali fil-livell ta’ seniors. Ma tantx naqbel mal-influss kbir ta’ barranin li hawn bħalissa għax għalkemm hawn min isostni li l-livell tal-futbol lokali għola, nemmen li sfortunatament dan jillimita l-opportunitajiet taż-żgħażagħ Maltin bil-konsegwenza li jispiċċaw jaqtgħu qalbhom u ma jibqgħux involuti fil-logħba tal-futbol.  
7.U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?
 Ovvjament kien hemm progress kbir fil-livell ta’ faċilitajiet f’dawn l-aħħar 30 sena. Meta kont tifel jien niftakar li nhar ta’ Sibt konna mmorru l-Iskola Sport u kienet xi ħaġa ta’ lussu li nilagħbu fuq ħaxix naturali għax ħafna mill-grawnds kienu għadhom biż-żrar. Illum il-ġurnata, fortunatament, ħafna nurseries u klabbs għandhom faċilitajiet adegwati u dan jgħin sabiex it-tfal jibdew jinġibdu minn età bikrija lejn il-logħba tal-ballun.  
8.Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
 Il-futur tiegħi narah fil-grassroots ma’ tfal żgħar. Iktar jagħtini sodisfazzjon li nara tfal jieħdu pjaċir jilagħbu l-futbol u jitgħallmu permezz tal-isport. Ħafna kowċis liċenzjati jippreferu etajiet ikbar u iktar kompetizzjoni. Jien nemmen li m’hawnx isbaħ milli tara s-sodisfazzjon fuq wiċċ it-tfal u jagħtini lok sabiex naħdem fuq basics li dawn l-istess tfal isibu meta jikbru u jiżviluppaw fil-logħba.  
9.Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
 B’attitudni pożittiva u sagrifiċju wieħed kapaċi jasal fil-logħba tal-futbol. Però anke jekk wieħed ma jilħaqx il-livell mixtieq, xorta jista’ jibqa’ fil-logħba tal-futbol fi rwoli oħra, bħal pereżempju coaches, uffiċjali, refereeing, eċċ. L-importanti li wieħed jieħu pjaċir u jħobb dak li jkun qed jagħmel!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport