Wara r-rapport li tliet persuni allegatament sparaw fuq għasafar protetti f’Delimara dal-lejl, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjoni (FKNK) fi stqarrija qalet li se timpenja r-riżorsi kollha tagħha biex tgħin fl-investigazzjonijiet relattivi biex dawn il-kriminali jitressqu quddiem il-ġustizzja.
Barra minn hekk il-FKNK se tagħmel ħilitha biex tassigura, li jekk l-akkużati jinstabu ħatja fil-Qorti, sussegwentement qatt ma jerġgħu jitħallew ikollhom liċenzja tal-kaċċa.
Il-FKNK wissiet, li mhi se toqgħod għal xejn jew ħadd li jista’ saħansitra jazzarda jħassar, b’xi mod, il-ħidma tajba kollha li twettaq f’isem l-eluf tal-membri kaċċaturi u nassaba leali u ġenwini tagħha li tiżgura t-tgawdija tal-prattiċi soċjo-kulturali u tradizzjonali tagħna, minbarra l-konservazzjoni tal-ambjent naturali.