Friday, December 13, 2024

Il-kriżi Ukrena: Ir-Russja tista’ tinvadi fi Frar

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Unit Joe Biden wissa li hemm “possibbiltà distinta” li r-Rus­sja se tkun qiegħda tinvadi lill-Ukrajna x-xahar id-dieħel. Min-naħa tagħha r-Russja qalet li “ftit li xejn qed tara ottimiżmu u tama” li tissolva din il-kriżi u dan minħabba li l-Istati Uniti mhix taċċetta t-talbiet ewlenin li qiegħda tagħmel Moska.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat, ir-Russja kompliet issaħħaħ il-preżenza tagħha qrib il-fruntiera mal-Ukrajna u dan kompla ikbar it-tħassib u s-suspetti ta’ invażjoni imminenti. Min-naħa tagħha r-Russja dejjem ċaħdet li hija qiegħda tipprepara biex twettaq din l-azzjoni militari. 

F’diskussjoni bit-telefown li kien hemm bejn Biden u l-President Ukrejn Volodymyr Zelensky iktar kmieni din il-ġimgħa, tal-ewwel saħaq li hemm possibbiltà li r-Russja tinvadi fi Frar. F’din it-telefonata l-President Biden reġa’ rriafferma li l-Istati Uniti flimkien mal-alleati tagħha jinsabu lesti li jirrispondu b’mod deċiżiv jekk ir-Russja twettaq azzjoni militari fuq l-Ukrajna. Min-naħa tiegħu Zelensky qal li fit-telefonata “kienu diskussi l-isforzi diplomatiċi biex titnaqqas l-instabbiltà kif ukoll azzjonijiet konġunti fil-futur”. 

L-aġenzija tal-aħbarijiet Axios ikkwotat sorsi anonimi li tkellmu magħha u rrapportat li Biden u Zelensky ma qablux dwar kemm hi imminenti t-theddida Russa. Għadd ta’ esperti militari qed jgħidu li r-Russja qiegħda tistenna sakemm ċertu żoni tal-Ukrajna jiffriżaw biex b’hekk tkun tista’ ddaħħal l-appart militari l-iktar tqil. 

Jekk ir-Russja tinvadi lill-Ukrajna, din ma tkunx l-ewwel darba. Fl-2014 ir-Russja kienet ħadet taħt idejha l-peniżola tal-Krimea kif ukoll appoġġjat lir-ribelli biex jieħdu partijiet sostanzjali fil-Lvant tar-reġjun Donbas. Madwar 14,000 persuna tilfu ħajjithom fil-ġlied f’dan ir-reġjun.

Ekonomija

Sport