Il-Kroazja u l-Belġju temmew il-konfront ta’ bejnitehom fi draw ta’ mingħajr goals, li fisser li l-Kroati kisbu l-passaġġ għar-round tal-aħħar 16 waqt li l-Belġju sfaw inkredibbilment eliminati.
Kienu l-Kroati li ħarġu fuq l-offenisva u wara biss tmien sekondi il-captain Luka Modric għadda tajjeb lejn Ivan Perisic li qabez lil Thomas Muenier f’tarf il-kaxxa iżda kellu x-xutt tiegħu jintemm barra.
Il-Belġju wieġbu fit-12-il minuta meta Mertens serva lil Carrasco li kkontrolla tajjeb qabel ra lill-goalkeeper Kroat Livakovic isalva tajjeb.
Huma komplew fuq l-offensiva u minuta biss wara minn kontrattakk veloċi, De Bruyne għadda lejn Dries Mertens li kellu x-xutt tiegħu minn ġol-kaxxa jintemm għoli.
Mal-kwarta logħob il-Kroazja rebħu penalty meta freekick ta’ Modric ma ġiex ikklerjat u Carrasco waqqa’ lil Kramaric fil-kaxxa. Madankollu, wara li kkonsulta mal-VAR, ir-referee Ingliż Anthony Taylor ħassar dan il-penalty minħabba li ġġudika li d-difensur Dejan Lovren kien tabilhaqq jinsab f’pożizzjoni ta’ offside.
Fil-50 minuta il-Kroati tilfu ċans tad-deheb li jifħu l-iskor mat Gvardiol għadda tajjeb lejn Mateo Kovacic li minn pożizzjoni ideali ra lill-goalkeeper Belġjan Thibaut Courtois isalva bi bravura.
Fil-61 minuta, kien imiss lil-Belġju li jersqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta tentattiv mill-viċin tas-sostitut Romelu Lukaku stampa mal-wieqfa, bil-Kroati jeħilsuha ħafif.
Fil-kumplament tal-partita, il-Belġju għamlu minn kollox biex isibu l-goal tar-rebħa iżda sabu difiża ferm kumpatta u organizzata Kroata li annullat għal kollox l-attakki kontinwi tagħhom.
Kroazja: Dominik Livakovic, Josip Juranovic, Dean Lovren, Josko Gvardiol, Borna Sosa, Luka Modric, Marcelo Brozovic, Mateo Kovacic (Lovro Majer 94), Andrej Kramaric (Mario Pasalic 64), Marko Livaja, (Bruno Petkovic 64) Ivan Perisic Coach: Zlatko Dalic
Belġju: Thibaut Courtois, Thomas Meunier (Eden Hazard 87), Toby Alderweild, Jan Verhongen, Timothy Castagne, Leander Dendoncker (Youri Tielemans 72), Axel Witsel, Kevin De Bruyne, Dries Mertens (Romelu Lukaku 46), Yannick Carrasco (Jeremy Doku 72), Leandro Trossard (Thorgen Hazard 59) Coach: Roberto Martinez
Referee: Anthony Taylor (Ingilterra)
Ammoniti: L. Dendoncker (B)