Saturday, December 21, 2024

Il-ktieb dwar il-Furjana ‘Floriana & il-Furjaniżi’ se jitnieda nhar il-Ġimgħa fil-Kurja

Aqra wkoll

  • Fl-okkażjoni tat-300 sena (1724-2024) mit-twaqqif tal-Furjana

L-2024 hi sena ċentinarja għall-belt tal-Furjana. Fil-fatt fid-9 ta’ Mejju li ġej se jitfakkar it-tielet ċentinarju minn meta l-Gran Mastru Portugiż, Antonio Manoel de Vilhena u t-tmexxija tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann ta’ dak iż-żmien, approvaw id-dokument biex jagħtu l-kunsens tagħhom sabiex ikun jista’ jsir bini residenzjali fiż-żona fejn eventwalment saret din il-lokalità.

Biex jitfakkar kif inhu xieraq dan iċ-ċentinarju, il-Kunsill Lokali tal-Furjana ħatar Sotto-Kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-għaqdiet u entitajiet Furjaniżi li ħejja programm ta’ attivitajiet li se jkunu mifruxa tul is-sena kollha.

 Dawn l-attivitajiet bdew f’Jannar b’kunċert ta’ mużika sagra li sar fil-Knisja Parrokkjali tal-Furjana li hi ddedikata lil San Publju. Sar ukoll logo għal tal-apposta.

Attività ewlenija f’dan il-programm se ssir nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu fis-7.30 pm fir-Refettorju ta’ Casa Manresa li hu l-isem proprju tal-binja fejn illum hemm il-Kurja tal-Arċisqof, fil-Furjana. Waqt din l-attività se ssir it-tnedija tal-ktieb ‘Floriana & il-Furjaniżi’ li kien ippubblikat mill-gazzetta ‘IL-FURJANA’ għal din l-okkażjoni speċjali.

Il-ħidma fuq dan il-proġett ilha għaddejja għal dawn l-aħħar kważi erba’ snin. Diversi akkademiċi u esperti ewlenin, fosthom ukoll wieħed barrani, aċċettaw u kkontribwew b’papers speċjalizzati għal din il-pubblikazzjoni ta’ aktar minn 600 paġna.

Imbagħad hemm numru ta’ kontributuri Furjaniżi li kitbiethom barra l-kontenut storiku, għandhom esperjenzi mgħajxa direttament.

Oriġinarjament dan it-tieni grupp ta’ kontributuri kellu jkun jinkludi wkoll lill-mibki Prof Oliver Friggieri, li minn dejjem kien punt ta’ referenza għall-amministrazzjoni attwali tal-gazzetta Furjaniża. Friggieri għal xi żmien serva wkoll bħala editur ta’ din il-gazzetta lokali.

Meta Friggieri kien ikkuntattjat fil-bidu ta’ Ġunju tal-2020, ftit xhur biss qabel ma ħalla din id-dinja, il-Professur Furjaniż faħħar l-idea ta’ ktieb dwar il-Furjana u wiegħed li jikteb artiklu biex ikun ippubblikat f’dan il-ktieb. Iżda d-destin ried mod ieħor.

Iżda jekk bla dubju dik tal-Prof Friggieri kienet telfa kbira għal dan il-proġett ambizzjuż, mill-banda l-oħra kienet kisba importanti dik ta’ Dr Joan Abela, Furjaniża u minn Balzunetta wkoll bħal Friggieri, li aċċettat l-istedina biex tkun l-Editur ta’ dan il-ktieb li kien se jkollu daqstant akkademiċi (bħalha) fost il-kontributuri tiegħu.

L-esperjenza u l-background akkademiku tagħha għenu mhux ftit biex il-prodott finali jilħaq livell kemm jista’ jkun għoli.  Fl-aħħar fażi tal-proġett, Dr Abela kienet megħjuna fil-ħidma tagħha minn Ms Giulia Privitelli li hi magħrufa ħafna fil-qasam tal-pubblikazzjonijiet lokali li għandhom x’jaqsmu mal-arti u l-istorja ta’ pajjiżna.

Il-ktieb ‘Floriana & il-Furjaniżi’ kien iddisinjat u ssettjat minn Kite Group, waqt li l-istampar sar minn Print.It.

Dan il-ktieb hu t-tielet wieħed li ppubblikat il-gazzetta (‘IL-FURJANA’ PUBLICATIONS) f’dawn l-aħħar kważi għaxar snin. Iż-żewġ kotba ta’ qabel kienu ‘Il-Knisja ta’ San Publju – Storja u Arti’ li kien ippubblikat fl-2015, u l-ktieb ‘L-Ark ta’ San Publju tal-Furjana – 1899-2019’ li kien ippubblikat f’Diċembru tal-2020.

Min jixtieq jakkwista kopja tal-ktieb il-ġdid, jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494,  jew fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] u [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.

Sa nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu se tibqa’ valida l-offerta ta’ qabel il-pubblikazzjoni. Sa dakinhar kull kopja tista’ tinxtara bil-prezz ta’ €80. Wara dik il-ġurnata, l-prezz jitla’ għal €95. Jiġifieri kull min jibbenefika minn din l-offerta jkun qed jiffranka €15.

Ekonomija

Sport