Sunday, December 29, 2024

Il-ktieb tat-300 sena tal-Furjana se jkun imniedi f’Marzu li ġej

Aqra wkoll

Kienet ippubblikata l-ħarġa ta’ Diċembru – li hi l-ħames u l-aħħar waħda għal din is-sena – tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’.

Tnejn minn dawn il-ħarġiet kienu speċjali. L-ewwel waħda f’Jannar, wara l-mewt tal-uniku Papa (Benedittu XVI) li daħal fil-Knisja Parrokkjali tal-Furjana. U t-tieni waħda f’Ottubru fl-okkażjoni tas-70 anniversarju mill-ewwel ħarġa tal-istess gazzetta Furjaniża.

Fil-ħarġa l-ġdida tal-gazzetta, l-amministrazzjoni ħabbret l-aħħar aġġornamenti dwar it-tħejjijiet li għaddejjin tal-ktieb li se tippubblika s-sena d-dieħla fl-okkażjoni tat-300 sena (1724-2024) tal-Furjana. Ħidma li  hi koordinata minn Dr Joan Abela, editur tal-ktieb.

F’din il-ħidma importanti, ingħaqdet ukoll magħha Ms Giulia Privitelli, persuna magħrufa fil-qasam tal-pubblikazzjonijiet ta’ xeħta storika, li se tkompli tkabbar il-prestiġju ta’ dan il-ktieb li se jkun jinkludi kitbiet ta’ wħud mill-akkademiċi u studjużi ewlenin li hawn f’pajjiżna.

L-amministrazzjoni ta’ ‘IL-FURJANA’ irringrazzjat lill-Arċisqof Charles J. Scicluna li aċċetta t-talba tagħha biex it-tnedija tal-ktieb issir fir-Refettorju ta’ Casa Manresa l-Furjana (fejn illum hemm il-Kurja tal-Arcisqof), nhar il-Gimgha 15 ta’ Marzu 2024 fis-7.30 pm.

Casa Manresa hi fost l-eqdem binjiet li nsibu fil-Furjana. Waħda mill-papers li se jkun jinkludi dan il-ktieb, se tkun appuntu dwar din il-binja storika u l-pitturi li hemm fiha.

Dan il-ktieb se jkun it-tielet wieħed ippubblikat minn Pubblikazzjonijiet ‘IL-FURJANA’ (‘IL-FURJANA’ Publications). L-ewwel wieħed, ‘Il-Knisja ta’ San Publju fil-Furjana – Storja u Arti’, kien ippubblikat fl-2015. Ħames snin wara kien ippubblikat it-tieni wieħed, ‘L-Ark ta’ San Publju tal-Furjana (1899-2019)’. Dawn il-kotba nħatfu kważi kollha.

Għalhekk, u minħabba li hawn stennija kbira għal dan il-ktieb, l-amministrazzjoni ta’ ‘IL-FURJANA’ nediet skema ta’ ibbukkjar bil-quddiem li permezz tagħha wieħed ikun jista’ jiffranka fuq il-prezz tal-ktieb wara l-pubblikazzjoni.

Minn din l-iskema jista’ jibbenefika wkoll min forsi jixtieq jagħti dan il-ktieb bħala rigal lil xi ħadd għall-Milied li ġej. In-numru ta’ dawk li diġà bbukkjaw kopja ta’ dan il-ktieb, qabeż sew il-mija.

Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 79339649.

Intant  fil-ħarġa ta’ Diċembru ta’ ‘IL-FURJANA’ wieħed isib fost l-oħrajn feature speċjali dwar il-‘Britannia Circus’, li kien teatru li eżista fil-Furjana biss bejn l-1899 u l-1919.

Kien hemm żewġ verżjonijiet differenti ta’ dan it-teatru li nbena u nħatt darbtejn f’partijiet differenti tal-Furjana. Il-kitba hi akkumpanjata minn kważi l-ftit ritratti li jeżistu taż-żewġ verżjonijiet.

Tliet kitbiet interessanti oħra jiffurmaw parti wkoll minn din il-ħarġa. L-ewwel waħda hi dwar anniversarji partikolari li kollha se jaħbtu s-sena d-dieħla u li b’xi mod għandhom x’jaqsmu mal-Furjana. Kitba oħra hi dwar l-uniku Arċisqof ta’ Malta Furjaniż (Dom Mauro Caruana) fl-istorja tal-Knisja Kattolika f’Malta, li proprju dan ix-xahar jgħalaq tmenin sena li miet.

It-tielet kitba hi dwar l-għeruq Furjaniżi tal-Isqof Malti-Awstraljan ta’ Darwin, Monsinjur Charles Gauci.

Din il-ħarġa, li bħalma ġara fl-aħħar snin għandha dehra maħsuba u mtella’ mid-Direttur Artistiku tal-gazzetta Joseph A. Cachia, tinkludi wkoll il-Paġna tal-Kunsill Lokali, kif ukoll paġni ta’ aħbarijiet dwar il-Furjana u l-Furjaniżi.

Min jixtieq jakkwista kopja ta’ ‘IL-FURJANA’, jista’ jċempel fuq in-numru 79339649.

Ekonomija

Sport