Il-Ministru Carmelo Abela jenfasizza fuq il-kummerċ sostenibbli mal-Afrika bħala opportunità kemm għall-Ewropa kif ukoll għall-Afrika, għat-tkabbir ekonomiku
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) esprima sodisfazzjon għall-importanza li l-Gvern Malti qed jagħti lid-djalogu soċjali u għall-komunikazzjoni mill-qrib li jżomm mas-soċjetà ċivili, inkluż tul il-pandemija tal-Covid-19. Id-delegazzjoni ltaqgħet mal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela biex tiddiskuti l-għajnuna esterna, l-investiment u l-kummerċ bħala strumenti għat-tkabbir ekonomiku u biex tilħaq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-2030.
Iż-żewġ partijiet qablu dwar l-importanza li l-kontinent Ewropew għandu jagħti lill-kontinent Afrikan speċjalment minn perspettiva kummerċjali. “It-tkabbir ekonomiku li se jiġi mill-Afrika mhux se jiġi mill-Ewropa. Din hija sitwazzjoni fejn jirbaħ kulħadd”, enfasizza l-Ministru Abela.
Fakkar li Malta tagħti importanza lill-potenzjal tal-Afrika fil-kummerċ u taħt ir-responsabbiltà tiegħu bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u tal-Kummerċ fl-ewwel parti ta’ Jannar 2020, Malta kienet it-tieni membru tal-Unjoni Ewropea li nediet strateġija ta’ sħubija mal-Afrika dwar il-kummerċ, l-iżvilupp u d-diplomazija, qabel l-istrateġija tal-Unjoni Ewropa stess.
Il-Ministru Abela qal li l-messaġġ huwa ċar. L-Afrika ma tridx sempliċiment għajnuna. Trid kummerċ, żvilupp u tkabbir, aktar kuntatt bejn in-negozju u l-qsim ta’ ħiliet u għarfien. Huwa żied li l-Afrikani għandhom bżonn jaraw mingħandna l-Ewropej rieda tajba u investiment fil-ġenerazzjoni żagħżugħa Afrikana; li jgħammruhom b’ħiliet, b’impjiegi u b’opportunitajiet f’pajjiżhom stess. “Bħala Ewropej għandna jkollna approċċ pożittiv u niffukaw fuq is-sħubija mal-Afrika bħala sħab ugwali. Dan huwa l-aħjar mod kif tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-migrazzjoni. Is-soċjetà ċivili hija parti importanti minn dan”.
Bħala ministru responsabbli wkoll mid-djalogu soċjali, il-Ministru Carmelo Abela tenna l-importanza li l-gvern jalloka għad-djalogu soċjali, inkluż waqt il-pandemija tal-Covid-19, meta din il-kollaborazzjoni assistiet lill-gvern biex jifforma l-għajnuna finanzjarja tiegħu, skont il-bżonnijiet ta’ setturi differenti tas-soċjetà.
B’referenza għax-xogħol tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi, innota kif grazzi għall-intervent tad-dipartiment ġew salvati aktar minn 25,000 impjieg. Huwa qal li l-irwol tad-dipartiment kien li jiffaċilita l-ftehim bejn min iħaddem u l-impjegati, li ħalla riżultati inkoraġġanti. Żied jgħid li Malta hija ekonomija miftuħa u fil-qasam tat-turiżmu, dan huwa żmien importanti għall-pajjiż sabiex inissel fiduċja fit-turisti ħalli jżuruna.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa korp konsultattiv tal-UE li jinkludi rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema u ta’ min iħaddem u gruppi oħra ta’ interess. Huwa jagħti opinjoni dwar kwistjonijiet tal-UE lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-UE u lill-Parlament Ewropew, u b’hekk jaġixxi ta’ pont bejn l-istituzzjonijiet li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini tal-UE.