Friday, November 15, 2024

Il-Kumitat Olimpiku Malti jħabbar il-Kummissjoni tal-Atleti

Aqra wkoll

Il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) ħabbar il-Kummissjoni l-ġdida tal-Atleti li ġiet eletta wara sejħa għal nominazzjonijiet fost atleti li ilhom jikkompetu fuq livell Nazzjonali fi sport li huwa parti mill-Programm Olimpiku, matul dawn l-aħħar tliet snin.

Il-Kummissjoni Atleti, li se tokkupa din il-kariga għal perjodu ta’ erba’ snin, tikkonsisti minn Eleanor Bezzina (Chairperson), Matthew Abela u Sascha Genovese.

Il-missjoni ta’ din il-Kummissjoni hija li tiżgura r-rappreżentazzjoni tal-opinjonijiet tal-atleti fi programmi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll li toffri appoġġ u edukazzjoni lill-atleti biex ikunu jistgħu jirnexxu fl-isport tagħhom.

Il-Kummissjoni tal-Atleti hija rappreżentata fl-Assemblea Ġenerali tal-KOM minn żewġ membri tagħha. Il-membri rappreżentattivi huma eletti mill-Kummissjoni, li jkollha d-dritt tal-vot fi ħdan tali Assemblea. Waqt il-Laqgħa tal-Kunsill tal-KOM, li saret f’Ġunju,  Eleanor Bezzina u Matthew Abela kienu preżenti. Bezzina tirrappreżenta wkoll lill-Kummissjoni fuq il-Bord Eżekuttiv tal-KOM.

Il-Kummissjoni diġà kienet attiva f’diversi fora, l-ewwel waħda kienet ir-rappreżentanza fil-11-il Forum tal-Atleti Ewropej fi Brussell. Il-Forum li għaliħ attendiet Sascha Genovese kellu l-għan li jiddiskuti u jikkunsidra kwistjonijiet relatati mal-atleti u li jipprovdi pariri lill-Kumitati Olimpiku Nazzjonali; jimpenja ruħu b’mod attiv ma’ inizjattivi u proġetti li jipproteġu u jappoġġaw atleti nodfa fuq u barra l-qasam tal-logħob u jaġixxu bħala l-kuntatt ewlieni mal-Kummissjoni tal-Atleti tal-IOC.

Genovese ingħaqdet ma’ atleti minn diversi pajjiżi mill-Ewropa fejn ddiskutew id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom il-Kummissjonijiet rispettivi tagħhom u qasmu fehmiet dwar kif jistgħu jtejbu l-attivitajiet li jsiru mill-Kummissjonijiet biex isaħħu l-vuċi tal-atleti.

Waqt li spjegat l-ħidma tal-Kummissjoni, iċ-Chairperson Bezzina qalet li “Il-Kummissjoni hija magħmula minn atleti li huma konxji bis-sħiħ mill-isfidi li jiffaċċjaw l-atleti u l-ħidma ta’ din il-Kummissjoni hija li tiżgura li l-atleti kompetittivi jkollhom vuċi li tappoġġjahom” Għalkemm ħafna huma konxji tal-Kummissjoni, l-atleti mhumiex infurmati bis-sħiħ dwar ix-xogħol u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni. Dan se jkun indirizzat permezz ta’ Seminar li se jsir f’Novembru, kompliet Bezzina.

Il-Kummissjoni Atleti tista’ tiġi kkuntattjata permezz ta’email fuq [email protected]

Ekonomija

Sport