Tuesday, March 10, 2026

Il-Kumitat Olimpiku Malti jniedi programm ġdid bl-isem ta’ “Passing the Torch: Women in Sport Mentorship Programme”

Aqra wkoll

Il-Kumitat Olimpiku Malti nieda inizjattiva ġdida li għandha l-għan li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni u l-iżvilupp tan-nisa fl-isport. Il-programm, bl-isem ta’ “Passing the Torch: Women in Sport Mentorship Programme”, ġie mniedi fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara u għandu l-għan li jgħaqqad atleti nisa stabbiliti ma’ atleti żgħażagħ sabiex jaqsmu l-esperjenzi u joffru gwida għall-futur aktar b’saħħtu fl-isport.

Il-kunċett ta’ “Passing the Torch” jissimbolizza t-trasferiment tar-responsabbiltà, l-esperjenza u l-għarfien minn ġenerazzjoni għal oħra. Dan juri l-importanza tal-kontinwità u tal-gwida, fejn dawk li għandhom aktar esperjenza jgħinu u jispiraw lill-iżgħar biex jieħdu r-rwol tagħhom fil-futur. Permezz ta’ dan il-proċess, il-valuri, it-tradizzjonijiet u l-ħiliet jibqgħu jgħixu u jiżviluppaw. Fl-istess ħin, ġenerazzjonijiet ġodda jġibu magħhom ideat friski u enerġija ġdida li tgħin biex tkompli tinbena l-futur.

Il-programm qed jitmexxa mill-Kumitat Olimpiku Malti permezz tal-Kummissjonijiet tal-Media, Teknika u Nisa fl-isport, b’kollaborazzjoni ma’ Commonwealth Sport Malta. Din l-inizjattiva hija parti mill-preparamenti ta’ Malta għall-Commonwealth Youth Games 2027, li se jsiru f’pajjiżna.

Il-programm pilota se jdum 12-il xahar, minn April 2026 sa Marzu 2027, u huwa mmirat għal atleti nisa bejn l-14 u t-18-il sena li diġà jinsabu f’livell kompetittiv għoli u qed jippreparaw ruħhom għal kompetizzjonijiet internazzjonali bħall-Youth Olympic Games 2026 u l-Commonwealth Youth Games.

Waħda mill-mentors li qed tieħu sehem f’dan il-programm huwa Laurie Pace, atleta li għal snin twal irrappreżentat lil Malta fil-judo u anke fil-waterpolo.

F’intervista ma’ dan is-sit, Pace spjegat li l-esperjenza tagħha fl-isport tista’ tkun ta’ għajnuna kbira għall-atleti żgħażagħ.

“Kont judoka għal 24 sena u fl-istess ħin, barra mill-istaġun, kont nilgħab ukoll waterpolo għal madwar 17-il sena. Illum ingħatajt l-opportunità li nkun mentor għal tliet plejers żgħażagħ tal-waterpolo. Inħoss li din hija responsabbiltà sabiħa ħafna għax nista’ naqsmilhom dak li tgħallimt matul il-karriera tiegħi.”

Pace kienet ukoll atleta li rrappreżentat lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali kbar, fosthom il-Logħob tal-Commonwealth, il-Logħob tal-Mediterran u l-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar tal-Ewropa.

“Għandi sodisfazzjon kbir li kont parti minn dawn il-kompetizzjonijiet u anke ġibt l-ewwel midalja għal Malta fil-Commonwealth Games. Dik hija esperjenza li tibqa’ miegħek u li tista’ tgħin lill-atleti żgħażagħ jifhmu li anke minn pajjiż żgħir bħal Malta tista’ tikkompeti fuq livell għoli.”

Hija sostniet li wieħed mill-aktar aspetti importanti tal-mentorship huwa li tgħin lill-atleti żgħażagħ jindirizzaw il-pressjoni u l-isfidi mentali tal-isport.

“Xi drabi l-atleti żgħażagħ iħossuhom intimidati meta jaraw lil atleti oħrajn li forsi jidhru superjuri fil-qasam tagħhom. Hawnhekk jidħlu l-mentors, biex jgħinuhom jifhmu li kulħadd għandu triq differenti u li l-kunfidenza fihom infushom hija essenzjali.”

Pace qalet ukoll li Malta bħala pajjiż żgħir taffaċċja ċerti sfidi meta mqabbla ma’ pajjiżi kbar.

“Il-pajjiżi kbar għandhom aktar faċilitajiet, aktar coaches, fiżjoterapisti, nutrizzjonisti u riżorsi oħra. Għandhom ukoll aktar fondi u aktar atleti ta’ livell għoli biex jitħarrġu flimkien. Naturalment dan jagħmilha aktar diffiċli għal pajjiżi żgħar.”

Madankollu, hija temmen li dawn l-isfidi m’għandhomx iwaqqfu lill-atleti Maltin milli jaspiraw għal suċċess.

“Dan qatt ma waqqafna milli nikkompetu jew milli nagħmlu suċċess. Anke minn Malta nistgħu nilħqu livelli għoljin, basta jkollna determinazzjoni u appoġġ.”

Il-programm jinvolvi laqgħat wieħed ma’ wieħed (one-to-one) bejn mentor u atleta kull ftit xhur, kif ukoll kuntatt informali regolari.

Matul dawn il-laqgħat jiġu diskussi diversi temi importanti għall-iżvilupp tal-atleta, fosthom:it-twaqqif ta’ miri u pjanijiet għall-karriera sportiva, il-kunfidenza u l-identità personali, il-bilanċ bejn l-isport u l-istudju, il-komunikazzjoni u l-mument meta taħdem ma’ tim kif ukoll ir-reżiljenza mentali u l-benesseri

Barra minn hekk, se jsiru wkoll sessjonijiet ta’ grupp ma’ esperti dwar suġġetti bħal nutrizzjoni, saħħa mentali, komunikazzjoni mal-media u opportunitajiet ta’ karriera fl-isport.

Il-koordinatriċi tal-programm, Maria Vella Galea, spjegat lil dan is-sit li l-idea nibtet mill-ħtieġa li jiġi offrut aktar appoġġ lill-atleti żgħażagħ.

“Meta bdejna nħarsu lejn il-preparamenti għall-Youth Olympic Games u għall-Commonwealth Youth Games, indunajna li kien hemm ċertu vojt fil-preparazzjoni mentali tal-atleti, speċjalment tan-nisa,” qalet Vella Galea.

Hija spjegat li l-proġett tnieda wkoll f’mument simboliku, qrib il-Jum Internazzjonali tal-Mara u l-Commonwealth Day.

“Ħassejna li kien il-mument opportun biex noħolqu programm pilota li joffri mentorship lill-atleti bejn l-14 u t-18-il sena. Dawn huma snin kruċjali fil-karriera sportiva tagħhom.”

Skont Vella Galea, l-għażla tal-mentors saret b’attenzjoni.

“Sibna numru ta’ atleti nisa li rrappreżentaw lil Malta b’suċċess u li jħaddnu l-valuri Olimpici ta’ eċċellenza, rispett u ħbiberija. Dawn huma role models ideali għall-ġenerazzjoni l-ġdida.”

Hija qalet ukoll li minkejja l-progress li sar, dejjem hemm lok għal titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isport.

“Rajna ħafna avvanzi matul is-snin, iżda dejjem hemm spazju għal aktar żvilupp. Il-Kumitat Olimpiku Malti qed jaħdem kontinwament biex itejjeb ir-riżorsi u l-opportunitajiet għall-atleti.”

Waħda mill-atleti li qed tieħu sehem fil-programm hija Kaylen Cutajar, plejer żagħżugħa tal-waterpolo.

Cutajar qalet li l-programm qed ikun ta’ għajnuna kbira għall-atleti żgħażagħ.

“Il-mentor tiegħi kienet plejer ma’ San Ġiljan u l-esperjenza tagħha qed tgħinni ħafna. Il-programm huwa tajjeb ħafna għax ħafna minna aħna kemm studenti kif ukoll atleti u xi drabi nsibuha diffiċli biex nlaħħqu ma’ kollox.”

Hija qalet li l-appoġġ mentali huwa essenzjali.

“Meta tkun atleta u student fl-istess ħin, hemm ħafna pressjoni. Programmi bħal dan jgħinuna nifhmu aħjar kif norganizzaw il-ħin tagħna u kif nibqgħu motivati.”

Cutajar osservat ukoll li l-isport tan-nisa f’Malta qed jagħmel progress.

“Nemmen li għamilna avvanzi. Fil-waterpolo tan-nisa għad għandna biss tliet timijiet fil-kampjonat, iżda l-kompetizzjonijiet internazzjonali qed jiżdiedu u qed tingħata aktar importanza lill-isport tan-nisa.”

Il-programm “Passing the Torch” huwa meqjus bħala investiment importanti fil-futur tal-isport Malti.

L-għan tiegħu huwa mhux biss li jappoġġja lill-atleti żgħażagħ fil-prestazzjoni tagħhom, iżda wkoll li jgħinhom jiżviluppaw bħala individwi.

Fil-qosor, il-programm jipprovdi spazju fejn atleti b’esperjenza jaqsmu l-għarfien tagħhom ma’ atleti li għadhom fil-bidu tal-karriera tagħhom.

B’dan il-mod, il-ġenerazzjoni l-ġdida tista’ titgħallem mhux biss kif tikkompeti, iżda wkoll kif tieħu f’kunsiderazzjoni l-aspetti mentali, edukattivi u professjonali tal-ħajja sportiva.

B’inizjattivi bħal dawn, Malta qed tkompli tibni pedament aktar b’saħħtu għall-parteċipazzjoni u s-suċċess tan-nisa fl-isport.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport