Friday, October 3, 2025

Il-Kumitat Olimpiku Malti jospita l-45 Seminar tal-Kumitati Olimpici Ewropej u l-Olympic Solidarity Forum

Aqra wkoll

Il-Kumitati Olimpici Nazzjonali tal-Ewropa f’Malta għal djalogu miftuħ

Il-Kumitat Olimpiku Malti qed jospita l-45 Seminar tal-Kumitati Olimpici Ewropej (EOC) u l-Olympic Solidarity Forum, bejn it-3 u l-4 ta’ Ottubru 2025 f’Malta.

Dan l-avveniment qed jiġbor flimkien Kumitati Olimpici Nazzjonali (KONs) minn madwar l-Ewropa sabiex jissieħbu f’format innovattiv ta’ djalogu, kollaborazzjoni u skambju ta’ għarfien prattiku.

Din l-edizzjoni qed issir flimkien mal-Olympic Solidarity, u tenfasizza l-impenn konġunt biex jissaħħaħ l-isport u jingħata aktar appoġġ lill-atleti permezz ta’ programmi strateġiċi. Il-programm ta’ jumejn jinkludi sitt workshops li jkopru temi ewlenin bħall-governanza, il-vuċi u l-integrità tal-atleta, l-iżvilupp sostenibbli, il-komunikazzjoni diġitali u t-tisħiħ tal-operat tal-NOCs permezz tal-innovazzjoni.

Id-deċiżjoni li tingħata lil Malta l-unur li tospita din il-konferenza kienet ikkonfermata f’Settembru 2024. Dan kien pass importanti li jirrifletti l-impenn fit-tul ta’ Malta lejn il-Moviment Olimpiku u l-kredibilità tagħha bħala organizzatur ta’ avvenimenti sportivi internazzjonali.

Waqt il-ftuħ, il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Sur Julian Pace Bonello, qal:

“Malta onorata li qed tospita l-45 edizzjoni tal-European Olympic Committees Seminar u l-Olympic Solidarity Forum. Dan il-laqgħa mhijiex biss dwar l-iskambju ta’ prattiċi tajbin, iżda wkoll dwar kif nibnu l-futur tal-isport — sabiex jibqa’ jispira, jgħaqqad u jsaħħaħ liż-żgħażagħ minn pajjiżi u ġenerazzjonijiet differenti. Nistennew b’ħerqa djalogu sinifikanti, ħbiberiji ġodda u impenn komuni.”

Preżenti għall-ftuħ kien ukoll il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Interġenerazzjonali, Kultura, Żgħażagħ u Sport, E.T. s-Sur Glenn Micallef, li qal:

“L-isport fl-Ewropa hu aktar minn kompetizzjoni. Hu komunità. Hu ġustizzja. Hu opportunità. Nemmen li l-isport Ewropew għandu jibqa’ qrib iċ-ċittadini — imsieħeb fil-klabbs tagħna, fil-komunitajiet lokali tagħna u fil-programmi ta’ grassroots.”

Fil-kliem tiegħu, il-President tal-EOC, Spyros Capralos, li mexxa wkoll laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv jum qabel il-ftuħ, tenna l-ispirtu u l-għan ta’ din il-konferenza.

“Il-Konferenza tal-EOC dejjem kienet aktar minn laqgħa fil-kalendarju. Hu mument fejn il-familja tagħna tista’ toħroġ mill-formalitajiet tal-Assemblea Ġenerali u tidħol f’djalogu miftuħ u kostruttiv. Din is-sena, flimkien mal-imsieħba tagħna fil-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, qed inħaddnu format ġdid — aktar interattiv u inklużiv — bil-għan ċar li noħolqu l-ambjent it-tajjeb sabiex il-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali jaqsmu l-esperjenzi, jaqsmu l-għarfien u jirritornaw lura lejn pajjizhom b’soluzzjonijiet prattiċi li jsaħħu x-xogħol tagħhom ta’ kuljum.”

Matul is-snin, Malta bniet reputazzjoni soda bħala organiżżatur ta’ fiduċja t’avvenimenti sportivi internazzjonali, fosthom  il-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar tal-Ewropa fl-1993, 2003 u 2023. L-organizzazzjoni tas- Seminar tal-Kumitati Olimpici Ewropej u l-Olympic Solidarity Forum  jkompli jsaħħaħ din ir-reputazzjoni, u jikkonsolida lil Malta bħala ċentru ta’ djalogu, kollaborazzjoni u promozzjoni tal-valuri Olimpiċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport