Tuesday, June 24, 2025

Il-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew jivvota favur drittijiet aktar b’saħħithom għall-passiġġieri

Aqra wkoll

Il-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew approva l-pożizzjoni li ħa l-PE stess dwar abbozz ta’ liġi importanti biex jissaħħu d-drittijiet tal-passiġġieri fl-Unjoni Ewropea. Din il-votazzjoni tfisser pass sinifikanti ’l quddiem wara aktar minn għaxar snin ta’ staġnar f’dan il-qasam.

Il-pożizzjoni tal-Parlament tinkludi numru ta’ bidliet konkreti li jirrispondu direttament għad-diffikultajiet li ħafna vjaġġaturi jaffaċċjaw kuljum:

          •         Kumpens awtomatiku: Linji tal-ajru jkunu obbligati jħallsu kumpens awtomatikament fi żmien 48 siegħa f’każ ta’ dewmien jew kanċellazzjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-passiġġieri jissieltu għal dak li jmisshom.

          •         Tmiem tal-ħlasijiet żejda għall-familji: Tfajliet u subien ta’ taħt it-12-il sena jkunu intitolati joqogħdu ħdejn il-ġenituri tagħhom bla ħlas.

          •         Bagalji żgħar inklużi fil-prezz: Kull passiġġier ikun intitolat iġorr hand luggage sa massimu ta’ 7kg mingħajr ħlasijiet żejda.

          •         Drittijiet ugwali għat-titjiriet kollha lejn l-UE: Titjiriet li jidħlu fl-Unjoni Ewropea, anke jekk operati minn kumpaniji mhux Ewropej, se jkunu soġġetti għall-istess regoli bħall-linji tal-ajru Ewropej.

L-Ewroparlamentari Daniel Attard, li huwa membru tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu, laqa’ b’sodisfazzjon dan il-vot importanti u ddeskrivieh bħala “rebħa li ilha mistennija għall-konsumaturi madwar l-Ewropa”. Huwa esprima t-tama li l-Kunsill Ewropew issa jimxi ’l quddiem b’mod kostruttiv fin-negozjati li ġejjin sabiex jintlaħaq ftehim finali.

“Din hija opportunità biex intejbu l-esperjenza tal-ivvjaġġar għal miljuni ta’ ċittadini madwar l-Ewropa. Issa hemm bżonn ta’ impenn komuni biex naslu sat-tragward finali,” qal Attard.

Waqt li spjega l-effett konkret tal-proposti, huwa żied: “Jekk tesperjenza dewmien sostanzjali fit-titjira, m’għandekx tistenna xhur jew timla formoli bla qies biex tieħu dak li hu tiegħek. Jekk tivvjaġġa mat-tfal, m’għandekx tħallas iżjed biex toqgħod ħdejhom. U jekk tibbukkja titjira, m’għandux ikun hemm tariffi żejda għall-hand luggage. Dawn huma tibdiliet prattiċi li jpoġġu l-passiġġier fiċ-ċentru, u se nibqgħu naħdmu biex dawn isiru realtà.”

Il-votazzjoni ta’ llum tfisser li din hija issa l-pożizzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew, iżda l-liġi finali tiddependi fuq il-ftehim li jintlaħaq mal-Kunsill Ewropew. In-negozjati bejn l-istituzzjonijiet huma mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport