Wednesday, May 28, 2025

Il-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu tal-PE f’Malta fuq inizjattiva ta’ Daniel Attard

Aqra wkoll

Il-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew (TRAN) jinsab f’Malta għal żjara uffiċjali ta’ tlett ijiem fuq inizjattiva tal-Europarlamentari Malti Daniel Attard. L-iskop ewlieni taż-żjara huwa li jiġu diskussi l-isfidi u l-opportunitajiet relatati mat-trasport sostenibbli, il-konnettività, il-futur ta’ Għawdex u l-istrateġija turistika għall-gżejjer Maltin.

Matul din iż-żjara, id-delegazzjoni se tiltaqa’ ma’ diversi Ministri tal-Gvern, Membri Parlamentari u stakeholders ewlenin fl-industrija. Il-programm jinkludi wkoll żjarat fuq il-post ta’ proġetti infrastrutturali ewlenin iffinanzjati mill-UE, fosthom is-sistema ta’ enerġija shore-to-ship fil-Port il-Kbir, il-Junction tal-Marsa u l-proġett ta’ biswit l-Ajruport, li kollha juru l-investiment qawwi li qed isir fil-qasam tat-trasport u l-infrastruttura.

Il-membri tal-Kumitat se jiddiskutu leġiżlazzjoni Ewropea relatata mat-trasport, id-dekarbonizzazzjoni marittima, il-konnettività intermodali u t-turiżmu sostenibbli, u l-iżvilupp reġjonali f’Għawdex.

L-Ewroparlamentari Daniel Attard qal: “Din iż-żjara hija opportunità konkreta għal dawk kollha involuti fit-tfassil tal-politika u għall-partijiet interessati lokali biex jidħlu f’djalogu dirett mad-Deputati tal-Parlament Ewropew u juru r-realtajiet li qed niffaċċjaw f’pajjiżna. Jien partikolarment kburi li din hija l-ewwel delegazzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew li se żżur Għawdex, li tibqa’ prijorità ewlenija fil-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport