“F’temp ta’ ġimgħa, uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista għamlu attakk politiku b’lingwaġġ insensittiv li bih weġġgħu lil persuni b’diżabbilità, persuni li għaddejjin mill-marda tal-kanċer u l-familjari tagħhom. Nikkundanna dan l-aġir bil-kbir.”
Hekk kitbet l-MEP Josianne Cutajar wara li l-eks Ministru Nazzjonalista u eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalisti tat-tmeninijiet, Louis Galea, qal li l-Partit Laburista “Hu partit li għandu cancer. Cutajar sostniet li l-kritika bejn il-politiċi m’għandha qatt tinbidel f’attakk insensat b’impatt fuq terzi persuni.
Wara dak li qal Galea spikkaw bosta kummenti fuq il-midja soċjali li sostnew li l-kumment tiegħu kien “insult lejn il-marid”. Wieħed mill-kummenti fuq il-midja soċjali kien jgħid, “Naħseb ma jafx xi jfisser kanċer għax veru weġġagħni. Stallett ġo qalbi nifidli meta mmur nara lil xi ħadd minn tal-familja nipprova ma nibkix u mhux l-ewwel darba tlaqt il-barra nibki.” Persuna oħra qalet li Galea, “Missu jistħi. Nuqqas ta’ rispett lejn min qed jikkumbatti din il-marda, jew min tilef il-battalja u l-familjari tagħhom.”
“Li ssemmi l-kanċer għall-gwadann politiku hu ta’ stmerrija. Weġġgħajt ħafna nies li sfortunatament esperjenzaw din il-marda kiefra għal darba darbtejn,” qalet persuna oħra filwaqt li infermier kiteb li qatt ma fehem il-kunċett li wieħed jgħajjar lil min hu avversarju tiegħek b’mard terminali.
Intant, ftit tal-jiem ilu d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi uża t-terminoloġiji ta’ “inkapaċitat, debilitat u immobilizzat” biex jitkellem f’kuntest politiku. Dan il-kumment ukoll kien qajjem kontroversja fuq il-midja soċjali fejn bosta kienu dawk li ddeskrivew il-kliem użat minnu bħala “tal-mistħija” u ta’ “kundanna assoluta”. Fost il-kumment, omm ta’ tifel bl-awtiżmu kienet qalet li n-nies li huma b’xi mod jew ieħor huma influwenti fis-soċjetà tagħna “m’għandhom qatt ixejnu d-dinjità ta’ persuni b’diżabilità billi jużaw kliem bħal inkapaċitat u immobilizzat biex jitgħajjru bih.”