Il-Kummissarju Ewropew għall-Ekwità Interġenerazzjonali, il-Kultura, iż-Żgħażagħ, u l-Isport Glenn Micallef żar il-Valletta Design Cluster – ċentru għall-innovazzjoni artistika u l-kreattività fil-kapitali tagħna, li jifforma parti mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.
Fl-imgħoddi, il-binja li llum hija l-Valletta Design Cluster, kienet isservi bħala l-biċċerija l-antika u għal bosta snin kienet tinsab fi stat ta’ abbandun. Wara proġett ta’ riġenerazzjoni estensiva, li seħħ permezz ta’ fondi Ewropej u lokali, li sewa madwar 10.4 miljun ewro, f’Marzu 2021 din il-binja fetħet il-bibien tagħha mill-ġdid. B’hekk dan is-sit storiku nbidel f’ċentru li jippromwovi b’mod attiv is-settur kreattiv, li dejjem qed ikompli jikber, li joffri co-working studios dinamiċi u makerspace mill-aktar avvanzat, u li jrawwem inizjattivi b’saħħithom immexxija mill-komunità nnifisha.
Barra minn hekk din il-binja hija mgħammra bi ġnien fuq il-bejt li huwa aċċessibbli għall-pubbliku matul il-jum mit-Tnejn sal-Ħadd. Dan ma jservix biss bħala spazju ekoloġiku iżda huwa wkoll dikjarazzjoni tanġibbli u b’saħħitha ta’ tiġdid.
Waqt din iż-żjara l-Kummissarju Ewropew sostna li dan il-proġett, li huwa parti mil-legat tal-Kapitali Ewropea għall-Kultura Valletta 2018, iżewweġ il-wirt kulturali mal-espressjoni artistika kontemporanja u huwa eżempju tal-aqwa prassi għal proġetti oħrajn, bil-għan li nibqgħu nippromwovu u nindorkaw lil dan is-settur.
Min-naħa tiegħu, ċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta s-Sur Jason Micallef sostna li kien tassew ta’ sodisfazzjon għall-Aġenzija li għall-ewwel darba Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Kultura żar il-Valletta Design Cluster. Micallef kompla jgħid li din iż-żjara serviet bħala okkażjoni biex il-Kummissarju Ewropew seta’ jifhem b’mod tanġibbli l-valur u l-legat ta’ dan il-post kif ukoll jara l-opportunitajiet li qed jagħti lill-artisti kemm lokali kif ukoll internazzjonali.
Il-Kummissarju Ewropew Glenn Micallef iżur il-Valletta Design Cluster
