Friday, December 13, 2024

Il-Kummissarju Ewropew Helena Dalli mistiedna għal-Logħob tal-Olimpjadi Speċjali f’Mejju

Aqra wkoll

Il-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela qalet li l-Olimpjadi Speċjali ta’ Mejju li ġej f’Malta se juru l-ħiliet u l-abbiltajiet tal-atleti ta’ Special Olympics mill-Ewropa u lil hinn minnha, waqt li se jiċċelebraw ir-reżiljenza u l-perseveranza ta’ madwar 1,000 atleta b’diżabilità intellettwali minn 25 pajjiż.

F’laqgħa mal-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli fi Brussell, Dr Lydia Abela qalet li l-isport jgħaqqad u huwa għodda kruċjali għall-inklużjoni.

“Il-logħob f’Malta se jkun xhieda ta’ kif il-persuni b’diżabilità intellettwali u persuni oħrajn jistgħu jitgħallmu flimkien u jgħixu flimkien b’mod ugwali u inklussiv,”  qalet il-President ta’ Special Olympics Malta Dr Abela, hekk kif spjegat li minbarra l-logħob kompetittiv f’sitt dixxiplini sportivi – l-għawm, l-atletika, football, table tennis, bocce u tenpin bowling – se ssir logħba waterpolo bejn atleti b’ħiliet u abbiltajiet differenti (unified). 

Lejlet il-ftuħ tal-logħob se jsir forum b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta għal professjonisti, studenti, ġenituri u atleti dwar l-inklużjoni fl-isport għall-persuni b’diżabilità intellettwali fis-sistema edukattiva.

Tul il-laqgħa, Dr Abela, il-President ta’ Special Olympics fl-Ewropa David Evangelista, id-Direttur ta’ Special Olympics Malta Anna Calleja u l-Viċi President ta’ Special Olympics fl-Ewropa Christo Velkov stiednu lill-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli biex tiġi Malta għal-Logħob tal-Olimpjadi Speċjali bejn l-14 u s-17 ta’ Mejju li ġej.

“Special Olympics trid tkun l-aktar sieħeb importanti u b’saħħtu fil-viżjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal Ewropa aktar inklussiva u ugwali, fejn il-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess faċli għall-opportunitajiet kollha biex jilħqu l-milja tal-potenzjal tagħhom,” qal David Evangelista, il-President ta’ Special Olympics fl-Ewropa.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li tinsab ħerqana għall-Olimpjadi Speċjali f’Malta, kif ukoll sabiex tgħaqqad l-għanijiet ta’ Special Olympics mal-Unjoni tal-Ugwaljanza u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità tal-Unjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport