Saturday, December 21, 2024

Il-Kummissarju Ewropew Mariya Gabriel tfaħħar lil pajjiżna dwar strateġiji għas-settur edukattiv

Aqra wkoll

“Malta u l-Italja huma l-unika żewġ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li jinsabu avvanzati fl-istrateġiji tagħhom dwar l-edukazzjoni ta’ studenti fis-snin bikrija. U għandkom tkunu kburin li pajjiżkom huwa l-ewwel pajjiż li saħansitra għamel konferenza ta’ livell għoli biex jiddiskuti u jressaq ’il quddiem din il-politika edukattiva”, enfasizzat il-Kummissarju Ewropew għall-Innovazjoni, Riċerka, Kultura, Edukazzjoni u Żgħażagħ Mariya Gabriel.

Il-Kummissarju Gabriel illum tinsab Malta biex ipparteċipat f’konferenza tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li matulha kienu diskussa l-edukazzjoni ta’ età bikrija u l-Istandards Nazzjonali dwar iċ-Ċentri taċ-Childcare u wkoll kellha laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.

Il-Kummissarju Gabriel spjegat li din hija politika importanti ferm, għaliex is-snin bikrin huma fundamentali fl-edukazzjoni. “Is-snin bikrin jiżirgħu ż-żerriegħa għall-futur tal-istudenti tagħna”, qalet il-Kummissarju Gabriel. Hija spjegat li l-familja hija importanti, imma l-edukazzjoni bikrija fl-iskejjel hija kruċjali u kumplimentari għal dak li t-tfal jitgħallmu mill-familji tagħhom. Kompliet tgħid li huwa importanti ferm, u hawnhekk faħħret id-dokument ta’ pajjiżna, li nagħtu importanza għall-edukazzjoni bikrija ta’ dawk l-istudenti li ġejjin minn familji vulnerabbli.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fl-intevent tagħha tat ħarsa lejn il-politika tal-Ministeru kif spjegata f’żewġ dokumenti: The National Policy Framework for Early Childhood Education and Care (0-7 years) u National Standards for Early Childhood Educational Care service (0-3 years).

“Bl-implimentazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dokumenti qed immexxu ’l quddiem, minkejja l-isfidi kollha li kellna bħall-bqija tad-dinja minħabba l-pandemija, u bħala Gvern qed inkomplu għaddejjin bil-programm vast għal tibdil u titjib f’setturi varji, mhux l-inqas fis-settur edukattiv”, qalet il-Ministru Caruana.

Hija spjegat li d-dokumenti msemmija jirrikonoxxu l-ħiliet differenti tal-istudenti bħala individwi, u dan huwa fattur importanti għall-esperjenza edukattiva tagħhom fis-snin bikrin.

Dan huwa rifless fil-politika edukattiva għal dawn is-snin u wkoll fl-investiment marbut ma’ dawn is-snin, dak ta’ €29 miljun—medja ta’ €7,300 kull tifel u tifla li jattendu madwar ħames sigħat kuljum fil-142 ċentru taċ-ċhildcare madwar Malta u Għawdex.

Wara l-konferenza, il-Ministru Justyne Caruana u l-Kummissarju Ewropew Mariya Gabriel kellhom laqgħa bilaterali li matulha kienu diskussa diversi suġġetti fosthom il-ħidma biex ikompli jitnaqqas il-persentaġġ ta’ dawk li joħorġu kmieni mis-sistema edukattiva u taħriġ, l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, u wkoll saret referenza għal-laqgħa li jmiss fuq livell Ewropew dwar is-settur edukattiv. Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll l-investiment b’fondi Ewropej fis-settur edukattiv bejn l-2014-2020 u projezzjonijiet ta’ finanzjament għall-perjodu 2021-2027.

Il-konferenza ta’ dalgħodu kienet indirizzata b’mod virtwali mill-Professur Carmen Dalli, mill-Istitut għall-Istudji Bikrija tat-Tfulija tal-Victoria University f’Wellington, u Dr Jacqueline Vanhear, Direttur fil-Ministeru għall-Edukazzjoni tad-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni.

Ekonomija

Sport