Il-Kummissarju Ewropew Helena Dalli kkonfermat li xi ħadd daħal fl-entratura tad-dar tagħha f’Malta u ħalla messaġġ ta’ theddid fuq l-għatba tagħha.
Dan qalitu f’messaġġ fuq Facebook, fejn spjegat li l-każ imur lura għall-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena. Dr Dalli stqarret li nota li poġġielha raġel wara l-bieb tad-dar tal-familja tagħha kienet tgħid hekk; “darb’oħra nkun ippreparat b’xi ħaġa għat-tfal”.
Irrimarkat li għaddiet l-informazzjoni meħtieġa lill-Pulizija, fosthom filmat tas-sigurtà li għandha fid-daħla tad-dar tagħha. Kien hawn fejn qalet li fil-filmat, ir-raġel deher dieħel u li tidher ukoll il-karozza tiegħu.