Sunday, June 8, 2025

Il-Kummissarju għall-Istandards ma sabx ksur ta’ etika mid-deputat Toni Bezzina

Aqra wkoll

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi f’deċiżjoni li ħa iddikjara li d-Deputat Nazzjonalista, Toni Bezzina ma kisirx l-etika. Dan b’rabta ma’ allegazzjonijiet li kienu saru li  ma jidħolx għax-xogħol u l-allegazzjoni li jagħmel xogħol privat waqt il-ħin tax-xogħol. Il-Kummissarju għall-Istandards innota min ressaq l-ilmenti – ma pprovdew xi evidenza biex jissostanzjaw l-allegazzjonijiet li għamlu.

Fid-deċiżjoni tiegħu l-Kummissarju għamel riferenza għax-xhieda li ta d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li qal li qatt ma kellu rapporti li l-Perit Bezzina mhux jidħol għax-xogħol. Fir-rapport ingħad li d-Deputat Bezzina hu l-uniku perit li ma jiffirmax l-attendenza. Intqal li mhux jiffirma minħabba il-ftehim settorjali. Intqal li d-Direttur Ġenerali kien nnota wkoll li Bezzina spiss kien jaħdem barra l-ħinijiet standard biex jikkumpensa għal kwalunkwe ħin mitluf.

Fid-deċiżjoni tiegħu l-Kummissarju enfasizza wkoll l-importanza li jiġu implimentati rakkomandazzjonijiet li kienu saru aktar minn erba’ snin ilu mill-eks Kummissarju tal-Istandards. Dawn jinkludu li jiġi ċċarat jekk il-Membri Parlamentari li huma wkoll impjegati pubbliċi jistgħux jiġu rilaxxati mix-xogħol biex iwettqu funzjonijiet politiċi, u li jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi fis-seħħ biex jipprevjenu l-abbuż ta’ arranġamenti bħal dawn. 

Il-Kummissarju iddeskriva din is-sitwazzjoni bħala anomala għall-aħħar. Qal li mal-ewwel daqqa t’għajn, din l-azzjoni hija bbażata fuq premessa żbaljata. Il-Kummissarju qal li ma jifhimx għalfejn id-Dipartiment ħalla din is-sitwazzjoni għaddejja.Fil-konklużjoni tiegħu, il-Kummissarju temm jgħid li ma sabx provi biżżejjed biex isib ksur ta’ etika mid-deputat Bezzina u għalaq il-każ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport