Monday, May 13, 2024

Il-Kummissarju għall-Istandards mitlub jinvestiga lil Bernard Grech

Aqra wkoll

Dr Daniel Attard u Dr Marija Sara Vella Gafa, talbu lill-Kummissarju għall-Istandards biex jinvestiga lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. It-talba għall-investigazzjoni qed issir fuq akkuża li l-Kap tal-Oppożizzjoni żgwida lill-media u lill-poplu.

L-ittra mibgħuta lill-Kummissarju għall-Istandards tgħid hekk: “l-Uffiċċju tiegħek għandu jinvestiga il-ksur tal-etika ċar u lampanti mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech.  Bħalissa waqt li qed tinkiteb din l-email, il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa responsabbli għall-ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.  Kif naturalment taf, il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa wkoll Kap tal-Partit Nazzjonalista u membru Parlamentari. F’kull irwol li għandu suppost jieħu l-azzjonijiet meħtieġa kollha bil-għan li jħares il-korrettezza politika u l-ħarsien tal-liġi u mhux taħt it-tmexxija tiegħu qed isir preċiżament il-kontra.”

L-ittra tkompli tgħid li “agħar minn hekk, il-Kap tal-Oppożizzjoni inqabad jigdeb u jiżgwida lill-media u allura lill-poplu, bi ksur manifest tal-etika mistennija mill-kariga kostituzzjonali tiegħu, meta f’Settembru li għadda, waqt intervista, Bernard Grech qal b’mod ċar u inekwivoku li l-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista “ġew ippubblikati”. 

L-ittra tkompli tgħid li “żgur li bħala Membru tal-Kamra tad-Deputati li skont il-Kodiċi tal-Etika għandu f’kull waqt, sew jekk ġewwa jew barra l-Kamra, iġib ruħu b’mod li jkun jixhed l-istatus u d-dinjità tal-Kamra tad-Deputati, qed jonqos u jonqos bil-kbir. Iktar u iktar meta qed iħalli għaddej u jiddefendi aġir li jikser liġijiet li għamlet l-istess kamra tad-deputati.  Aħna hawn taħt iffirmati għandna konferma li fil-mument li qed tiġi mressqa lilek din it-talba, dan il-ksur ta’ liġi għadu għaddej.   Fil-fatt, fir-risposta tagħha għall-Protest Ġudizzjarju tas-sotto-firmati, il-Kummissjoni Elettorali esponiet bl-aktar mod ċar il-gideb ta’ Bernard Grech li kien qal li din hija ‘non-issue’ u li l-kontijiet ġew ppubblikati. Fil-verità, jirriżulta li fl-aħħar sentejn il-Partit Nazzjonalista ġie mwissi formalment ħames darbiet biex jissottometti l-kontijiet tiegħu u minkejja dan, baqa’ jikser il-liġi bl-akbar sens t’impunità.”

L-ittra tkompli tgħid li “mela l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed; ⁠jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, jinjora għal kollox it-twissijiet tal-Kummissjoni Elettorali, qed jikser b’mod lampanti l-kodiċi tal-etika marbuta mal-kariga tiegħu, qed jimmina l-proċess demokratiku meta jċaħħad lill-poplu mill-iskrutinju dovut fuq il-finanzi ta’ Partit li jaspira li jkun Gvern alternattiv. Dan l-aġir arroganti mill-Kap tal-Oppożizzjoni, li jistħajlu ‘l fuq mil-liġi, huwa kundannabbli f’kull sens.”

Ittenni li “meta dan kollu l-Kap tal-Oppożizzjoni jsejjaħlu bħala ‘ħmerija’ allura l-uffiċċju tiegħek għandu jieħu dan ir-rapport b’serjetà kbira għaliex l-osservanza fil-ħin u l-obbligi tal-liġi m’għandhom ikunu kkunsidrati qatt bħala ħmerija. F’dan il-kuntest, is-sotto-firmati jitolbu lill-uffiċċju tiegħek biex: jinvestiga l-aġir abbużiv tal-Kap tal-Oppożizzjoni bi ksur manifest tal-liġi u tal-kodiċi tal-etika u jieħu l-passi kollha li jidhirlu xieraq fiċ-ċirkostanzi.” 

Sport