Monday, December 9, 2024

Il-Kummissarju se jipproċessa t-talba biex jinvestiga l-esperta Serba

Aqra wkoll

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà bagħat notifika lill-Avukati li l-Ħamis li għadda kienu ippreżentawlu kwerela kontra l-esperta Serba fl-inkjesta Vitals, biex jikkonfermalhom li din il-kwerela rċevieha u li se tkun qiegħda tiġi proċessata. 

Sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal qalulna li issa l-pass li jmiss huwa li jiġu analizzati d-dokumenti li saret referenza għalihom u Artikoli li jista’ jkun li ġew vjolati. Il-Kummissarju mistenni wkoll jassenja dan il-każ lil xi ħadd fil-Korp biex jinvestiga hu. 

Fl-istess waqt, hemm ukoll elenku ta’ xhieda li saret referenza għalihom fosthom dawk li kienu preżenti fl-awla għas-seduta ta’ nhar l-Erbgħa li għadda quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ diversi entitajiet. 

Il-kwerela li ġiet ippreżentata minn 11-il Avukat li qed jidhru għal numru ta’ persuni fil-kawża tal-Vitals, saret kontra Miroslava Milenovic, l-esperta Serba li kienet tqabbdet bħala accountant forensiku fl-inkjesta Vitals iżda li fil-Qorti rriżulta li din la kellha degree fl-accounts u lanqas warrant ta’ accountant.

Fil-kwerela jingħad li Milenovic ġiet maħtura diversi drabi minn varji Maġistrati Inkwerenti sabiex taqdi l-funzjoni ta’ forensic accountant matul is-snin u dan dejjem minħabba u a bażi tal-perpetwazzjoni tad-dikjarazzjoni tagħha li hija esperta ‘forensic accountant’. 

Il-kwerelanti ddikjaraw ukoll li jemmnu bis-sħiħ li s-suspettata kien f’xi żmien ukoll kisbet permess ta’ residenza a bażi ta’ xogħol, fejn x’aktarx f’dik l-applikazzjoni ddikjarat li hija accountant. 

Żied jingħad li skont il-proċeduri fil-kawża l-oħra tal-isptarijiet, ħareġ kif is-Serba kienet tħallset eluf kbar biex twettaq l-inkarigu tagħha. “Dak kollu mistqarr mis-suspettata nhar l-Erbgħa li għadda, fil-proċeduri penali jinsab reġistrat skont il-liġi,” tennew l-Avukati. 

F’dik is-seduta, il-Maġistrat Rachel Montebello kienet ġibdet l-attenzjoni tax-xhud (Milenovic) li biex persuna tkun tista’ taħdem bħala accountant f’Malta jeħtieġ li jkollha warrant. Meta kienet mistoqsija jekk meta bdiet taħdem fuq l-inkjesta Vitals, kellhiex dan il-warrant, Milenovic qalet li ma kellhiex.

Għaldaqstant, fil-kwerela tagħhom, l-Avukati talbu lill-Kummissarju sabiex wara li jinvestiga l-każ skont il-liġi mingħajr dewmien, jgħaddi biex jipproċedi kontra s-Serba.

L-Avukati Vince Galea, Ishmael Psaila, Luke Dalli, Charlon Gouder u Etienne Borg Ferrante qed jidhru għal Dr Joseph Muscat. 

L-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher għal Ivan Vassallo, Brian Bodnin, Pierre (Peter) Sladden, Gateway Solutions Ltd., Technoline Ltd., Eurybates Ltd. 

L-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jidhru għal Konrad Mizzi, Keith Schembri, Kasco Engineering Ltd. u FSV Ltd. 

L-Avukati Alex Scerri Herrera u Shaheryar Ghaznavi qed jidhru għal Clarence John Conger-Thompson.

L-Avukat Jason Grima qed jidher għal Christopher Spiteri u Jonathan Vella.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport