“Il-Kummissjoni Ewropea kellha viżibilità sħiħa tal-informazzjoni kollha dwar il-proġett tal-enerġija.” Hekk stqarr l-eks Prim Ministru Joseph Muscat waqt li għal darb’oħra kien qiegħed jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC), dwar il-proġett tal-Electrogas.
Waqt ix-xhieda tiegħu Muscat ippreżenta wkoll figuri ta’ kemm kienet tagħmel telf l-Enemalta u wara l-2014 kemm bdiet tagħmel qligħ.
Muscat qal li l-proċess ittawwal b’mod li l-Electrogas setgħet tittermina l-involviment tagħha fil-proġett. Din l-eventwalita kienet tfisser li l-Enemalta kien ikollha tieħu f’idejha l-proġett tal-enerġija u toħroġ somma kapitali mill-flus pubbliċi ta’ mill-inqas 500 miljun, aparti li tħallas management fee lil Electrogas.
Kien mument kruċjali fejn l-Enemalta kellha tieħu deċiżjoni importanti. Dakinhar l-Enemalta għażlet li tidħol f’diskussjonijiet mal-Electrogas. Hemmhekk l-Enemalta qablet li tibda tħallas żewġ miljuni fis-sena excise tax minflok l-Electrogas. Dan kien mod kif l-Enemalta tgħin lill-Electrogas mal-banek sostna Muscat.
Ix-xhud qal li b’dan il-ftehim, l-Enemalta ħadet mill-Electrogas 10% tas-savings kollha li jagħmel il-konsorzju privat. Kalkoli juru li dan jammonta għal 2.2 miljuni fis-sena. L-Enemalta imponiet ukoll numru ta’ multi potenzjali fuq l-Electrogas, fosthom li kull darba li tieqaf magna ewlenija l-Electrogas tħallas massimu ta’ 1.5 miljun fis-sena u jekk il-Floating Storage Unit ma jkunx f’pożizzjoni li jirċievi gass l-Electrogas tħallas massimu ta’ 1.5 miljun oħra fis-sena.
Tenna li “dan ifisser li, b’dan il-ftehim, l-Enemalta ħadet il-value for money. Żgur li ma morniex minn taħt kif ippruvat timplika l-Oppożizzjoni.”
L-eks Prim Ministru qal li “l-LNG Security of Supply Agreement bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Socar sar biex f’każ li l-Electrogas tfalli, il-pajjiż ma jispiċċax bla gass u l-Gvern ikollu dritt li jibda jixtri hu. Kienet forma ta’ insurance policy li fil-fatt qatt ma ġiet attwata għaliex il-konsorzju tal-enerġija mhux talli ma falliex, talli baqa miexi ‘l quddiem.”