Saturday, December 21, 2024

Il-Kummissjoni Ewropea naqset milli tipprova “li jrid ikun hemm rabta ġewnina”

Il-każ fil-Qorti Ewropea kontra Malta dwar iċ-ċittadinanza b’investiment

Aqra wkoll

Il-każ kontra Malta mill-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza b’investiment, kellu eżitu fl-aħħar sigħat u dan hekk kif l-Avukat Ġenerali Ewropew, ta l-Opinjoni tiegħu dwar dan il-każ u ddikjara b’mod ċar ħafna li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tipprova li irid ikun hemm rabta ġenwina bejn Stat Membru u indivdwu biex dan jingħata ċ-ċittadinanza. L-Opinjoni maħruġa mill-Avukat Ġenerali hija rakkomandazzjoni tas-sentenza li għandha toħroġ il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

 L-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali tgħid li “l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tipprova li r-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza jeħtieġu li għandha teżisti ‘rabta ġenwina’ jew ‘rabta ġenwina minn qabel’ bejn Stat Membru u individwu sabiex ikun jista’ jagħti ċ-ċittadinanza. Wara emenda għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija f’Lulju 2020, ir-Repubblika ta’ Malta adottat leġislazzjoni sussidjarja li kienet tinkludi l-‘iskema taċ-Ċittadinanza Maltija b’Naturalizzazzjoni għal Servizzi Eċċezzjonali b’Investiment Dirett’”.

Ikompli jgħid li “taħt l-iskema 2020, investituri barranin kienu jistgħu japplikaw biex jiġu naturalizzati meta jissodisfaw numru ta’ kundizzjonijiet, prinċipalment ta’ natura finanzjarja. F’din l-azzjoni ta’ ksur, il-Kummissjoni qiegħda titlob li jkun hemm dikjarazzjoni li tistabbilixxi li l-operat tal-iskema ta’ ċittadinanza 2020 li toffri n-naturalizzazzjoni, bi skambju għal pagamenti jew investimenti predeterminati, lill-persuni, minkejja n-nuqqas ta’ rabta ġenwina bejniethom u r-Repubblika ta’ Malta, Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 20 TFUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ta ‘kooperazzjoni sinċiera”.

Fl-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Anthony Collins hu informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni naqset milli tipprova li, sabiex tagħti ċ-ċittadinanza legalment, id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ l-eżistenza ta’ kwalunkwe rabta “ġenwina” jew “ġenwina minn qabel” bejn Stat Membru u individwu minbarra dak meħtieġ taħt il-liġi ta’ Stat Membru.
 L-Avukat Ġenerali Collins enfasizza li, f’dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprova li Stat Membru ma ssodisfax obbligu li jorbtu bil-liġi Ewropea u ma tistax tibbaża ruħha fuq ebda preżunzjoni sabiex tagħmel dan. Fis-sottomissjonijiet orali tagħha f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonfermat li l-ilment tagħha huwa bbażat fuq prova tal-eżistenza ta’ rekwiżit taħt il-liġi tal-Unjoni Ewropea li, sabiex tiġi ppreservata l-integrità taċ-ċittadinanza tal-Unjojni Ewropea, għandha teżisti “rabta ġenwina” bejn Stat Membru u ċ-ċittadini tagħha.”
L-Avukat Ġenerali Anthony Collins jgħid li d-Dikjarazzjoni dwar in-Nazzjonalità ta’ Stat Membru annessa mal-att finali tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea tirrifletti l-fehma tal-Istati Membri li l-kunċetti rispettivi tagħhom ta’ nazzjonalità jmissu mal-essenza stess tas-sovranità u tal-identità nazzjonali tagħhom. Minn dan isegwi li l-Istati Membri ddeċidew li huwa kull wieħed minnhom waħdu li jiddetermina min huwa intitolat li jkun wieħed miċ-ċittadini tagħhom u konsegwentement, min huwa ċittadin tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk jgħid li filwaqt li Stat Membru, taħt il-liġijiet tiegħu dwar in-nazzjonalità, jista’ jeħtieġ prova ta’ rabta ġenwina, id-dritt tal-Unjoni ma jiddefinixxix, u wisq inqas jeħtieġ, l-eżistenza ta’ tali rabta sabiex jakkwista jew iżomm din in-nazzjonalità.

Qal li għalhekk, filwaqt li d-dritt tal-Unjoni jista’ jillimita, bħala prinċipju, l-eżerċizzju tal-prerogattiva sovrana ta’ Stat Membru li jagħti jew jirtira ċ-ċittadinanza, dik il-limitazzjoni tapplika biss meta dak l-Istat Membru jaġixxi b’mod kuntrarju għal-liġi tal-Unjoni Ewropea. Il-kundizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità huma kwistjoni ta’ liġi nazzjonali. Id-dmir skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea li tiġi rikonoxxuta n-nazzjonalità mogħtija minn Stat Membru ieħor huwa rikonoxximent reċiproku,u rispett għas-sovranità ta’ kull Stat u mhuwiex mezz biex jimmina l-kompetenzi esklussivi li l-Istati Membri jgawdu f’dan il-qasam. M’hemm l-ebda bażi loġika għall-allegazzjoni li minħabba li l-Istati Membri huma obbligati li jirrikonoxxu ċ-ċittadinanza mogħtija minn Stati Membri oħra, il-liġijiet dwar in-nazzjonalità tagħhom għandu jkun fihom xi regola partikolari. Li ssib mod ieħor ifixkel il-bilanċ imfassal bir-reqqa bejn iċ-ċittadinanza nazzjonali u tal-UE fit-Trattati u jikkostitwixxi erożjoni kompletament illegali tal-kompetenza tal-Istati Membri f’qasam sensittiv ħafna li huma ddeċidew b’mod ċar li jżommu taħt il-kontroll esklussiv tagħhom.

Ta’ min jgħid li l-Kummissjoni Ewropea fis-sena 2022 kienet ħabbret li se tressaq lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.

Fi stqarrija li kienet inħarġet b’rabta ma’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-għoti taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea m’għandux ikun marbut minn qabel ma’ pagamenti jew investimenti mingħajr l-ebda rabta ġenwina mal-pajjiż minħabba li skontha dawn jiksru l-liġijiet Ewropej.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet fakkret li bagħtet żewġ ittri lil Malta biex tħeġġiġha twaqqaf l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment, waħda f’Ottubru ta’ sentejn ilu u l-oħra f’Ġunju tas-sena l-oħra.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet rrikonoxxiet il-fatt li Malta ssospendiet l-iskema riveduta għaċ-ċittadini Russi u dawk mill-Belarus ftit jiem wara l-invażjoni fl-Ukrajna. Madanakollu hija żiedet tgħid li Malta baqgħet tħaddem l-iskema għall-bqija tan-nazzjonijiet kollha mingħajr intenzjoni li twaqqafha.

Fl-ispjegazzjoni tagħha għad-deċiżjoni li tressaq lil pajjiżna quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni qalet li Malta hija l-uniku Stat membru li għadu jħaddem din l-iskema.

Fir-reazzjoni tiegħu l-Gvern Malti  kien qal li b’rieda tajba u b’mod kostruttiv, kien se jibqa’ fi djalogu kontinwu mal-Kummissjoni Ewropea li matulu dejjem kienet spjegata l-pożizzjoni ta’ kif iċ-ċittadinanza hi kompetenza esklużiva tal-istat innifsu, bil-Kummissjoni Ewropea tibqa’ tinsisti li tali kompetenza mhux limitata biss għall-istati membri u dan minkejja li l-gvern preżenta argumenti legali li jippruvaw il-kontra ta’ dak li qed titkellem dwaru l-istess Kummissjoni. Barra minhekk, il-Gvern Malti kien qal li dejjem ikkopera b’mod sħiħ f’kull proċess inizjat mill-istess Kummissjoni u anke jieħu miżuri adekwati biex inaqqas kemm jista’ jkun ir-riskji marbuta mal-leġiżlazzjoni taċ-ċittadinanza u r-residenza b’investiment.

Kien qal ukoll li biex jgħid li Malta mhix tikser il-prinċipju tal-kooperazzjoni elenkati fit-Trattat tal-UE, u li dan il-qafas leġislattiv ta’ ċittadinanza b’investiment jirrifletti b’mod sħiħ il-provviżjonijiet  elenkati fit-trattat dwar proċessi marbuta man-naturalizzazzjoni.

Saħaq jgħid li wara konsultazzjoni mal-professjonisti fil-qasam, il-gvern se jkompli joġġezzjona għall-interpretazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea. Tenna li l-gvern iħaddem proċessi ta’ diliġenza rigorużi biex ikunu evitati l-abbużi, fosthom ta’ ħasil ta’ flus, iffinanzjar tat-terroriżmu u biex iċ-ċittadinanza tingħata biss lil individwi li jkunu denji.

Il-Gvern kien enfasizza li l-programm kien skrutinizzat b’reqqa f’eżerċizzji u evalwazzjonijiet dwar riskji ta’ ħasil ta’ flus minn għadd ta’ istituzzjonijiet internazzjonali fosthom il-Moneyval u l-FATF. Qal li l-entitajiet u l-proċessi tagħhom għaddew b’suċċess l-istess evalwazzjonijiet u kienu rikonoxxuti bħala mudell għal pajjiżi oħra fil-ġlieda kontra l-attivitajiet tal-kriminalità organizzata. Tenna li l-programm huwa trasparenti biżżejjed ma’ ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi.

Il-Gvern kien temm jgħid li dan il-proċess kollu se jipprovdi l-opportunità biex ikompli jsaħħaħ l-argumenti tiegħu, kif ukoll jirribatti l-interpretazzjonijiet li tqajmu waqt li jħalli l-materja għad-deċiżjoni finali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Gvern ta’ Malta laqa’ l-opinjoni pożittiva tal-Avukat Ġenerali, li tirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiċħad l-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern innota wkoll b’mod pożittiv, ir-rikonoxximent mill-Avukat Ġenerali ta’ diversi argumenti ewlenin imressqa minn Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Dan filwaqt li ser ikompli bl-analiżi dettaljata tiegħu tal-Opinjoni biex jiżgura fehim komprensiv tal-implikazzjonijiet potenzjali tagħha. 

“Huwa importanti li wieħed jinnota li l-opinjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma konsultattivi u ma jorbtux legalment lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-Avukati Ġenerali jipprovdu soluzzjonijiet legali indipendenti għall-każijiet li jittrattaw, u l-opinjonijiet tagħhom iservu bħala rakkomandazzjonijiet lill-Qorti.

“F’dan ir-rigward, il-Gvern issa qed jistenna l-verdett finali li għandu jingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’data aktar ’il quddiem.” 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, u x-Xogħol, Byron Camilleri, esprima sodisfazzjon għall-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Collins, li tirrifletti l-istess argumenti jew argumenti simili li Malta għamlet fl-aħħar snin. Dan wara sforzi sostnuti biex jiġi żgurat li ċ-ċittadinanza tibqa’ fil-kompetenza nazzjonali tal-Istati Membri. Filwaqt li nistennew is-sentenza finali, dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Ser inkomplu naħdmu fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport