Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li għaddiet il-pagament ta’ €48.7 miljun lil Malta bħala t-tielet ħlas taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), li hija l-qalba tal-programm NextGenerationEU. Dan il-ħlas sar wara li Malta wettqet b’suċċess 11-il stadju u 13-il miri relatati ma’ 15-il riforma u 9 investimenti, kif previst fil-pjan nazzjonali ta’ rkupru u reżiljenza.
Il-fondi se jintużaw biex isaħħu l-aċċess għat-trasport pubbliku bla ħlas, jippromwovu l-mobilità sostenibbli permezz tal-akkwist ta’ vetturi elettriċi għall-użu fis-settur pubbliku, tiġi aġġornata l-infrastruttura edukattiva b’rinnovar ta’ skejjel pubbliċi, jissaħħu s-servizzi tas-saħħa permezz ta’ tagħmir mediku addizzjonali u l-introduzzjoni ta’ programm ta’ screening tas-smigħ għat-trabi tat-twelid, tiġi mmodernizzata s-sistema ġudizzjarja b’tagħmir u għodod diġitali ġodda, u tissaħħaħ l-istrateġija ta’ Malta kontra l-ħasil tal-flus.
B’dan il-pagament, Malta waslet biex tkun irċeviet total ta’ €215 miljun – jiġifieri 66% tal-allokazzjoni totali tagħha taħt il-pjan ta’ rkupru u reżiljenza, li jammonta għal €328 miljun. Il-Kummissjoni qalet li dawn il-fondi se jkomplu jsaħħu t-tkabbir ekonomiku u r-reżiljenza ta’ Malta filwaqt li jħaffu l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti kruċjali għall-futur tal-pajjiż.
F’kumment dwar dan it-tielet pagament mill-allokazzjoni lil Malta mill-Fond tal-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li l-Gvern Malti kompla għaddej b’investimenti b’risq il-poplu Malti bl-implimentazzjoni tal-pjan approvat għal Malta. Huwa saħaq fuq l-importanza li fix-xhur li ġejjin irid ikompli dan l-investiment biex ikunu utilizzati l-fondi kollha allokati għal Malta bl-aqwa benefiċċji għall-familji Maltin u Għawdxin.