Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fl-aħħar ħinijiet ħabbret pjan li skont hi hu ntiż biex l-Unjoni Ewropea żżid il-kapaċiatjiet militari fosthom fid-difiża tagħha.
Dan il-pjan qiegħed jisejjaħ “ReArm Europe”.
Ursula von der Leyen qalet li t-theddid li qiegħed ikun hemm fuq pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u anke dawk fl-Ewropa huwa wieħed gravi mmens u jekk dan it-theddid isir realtà allura l-impatt fuq il-pajjiżi jkun devastanti.
Hija qalet li l-mistoqsija li wieħed irid jistaqsi hi dwar jekk is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea hiex mhedda, imma jekk l-Ewropa hux lesta u ppreparata biex taġixxi.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li l-Ewropa tinsab fi żmien li jeħtieġ li tarma lilha nnifisha. Dan għandu jsir mhux biex tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lill-Ukranja imma wkoll biex tkun lesta tiddefendi lilha nnifisha.
Ursula von der Leyen qalet li kienet kitbet lill-mexxejja tal-Istati Membri hekk kif nhar il-Ħamis li ġej se jkun qiegħed jiltaqa’ l-Kunsill Ewropea u informathom bil-pjani tagħha.
Fil-proposti hemm li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-kapaċitajiet militari tagħhom billi jinvestu aktar fl-armi u l-militar u dan mhux se jkun qiegħed jaffettwa il-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv li soltu jittieħdu kontra pajjiżi li l-livell tad-defiċit jiżdied ħafna.
Qalet ukoll li l-Kummissjoni Ewropea lesta li ssellef sa €150 biljun lill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea biex jinvestu fil-militar tagħha.
Ursula von der Leyen qalet li l-Kummissjoni Ewropea lesta li toffri pakkett ta’ investiment li jista’ jlaħħaq it-€800 biljun.