Saturday, November 23, 2024

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ l-miżuri tal-Gvern għall-pandemija u t-tisħiħ tal-governanza

Aqra wkoll

Minn VICTOR VELLA

Fl-2020, minkejja l-impatt qawwi tal-COVID-19 il-Kummisjoni Ewropea llimitat in-numru ta’ rakkomandazzjonijiet annwali tagħha għal pajjiżna – dawk magħrufa l-‘country specific recommendations’ – għal erbgħa biss, jew waħda biss aktar mill-2019. Dan meta qabel il-bidla fl-amministrazzjoni, il-Kummissjoni kienet għamlet sitt rakkomandazzjonijiet għal pajjiżna. Ta’ min jinnota li kien hemm biss seba’ pajjiżi b’anqas ‘country specific recommendations’ minn pajjiżna.

Tnejn mir-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni għandhom x’jaqsmu b’mod dirett mal-pandemija tal-COVID-19, mentri waħda għandha x’taqsam indirettament. 

L-ewwel rakkomandazzjoni hija biex pajjiżna jkompli jieħu l-miżuri neċcessarji biex jindirizza l-pandemija u jerġa jtellaq l-ekonomija. Fl-istess ħin il-Kummissjoni tispeċifika li importanti ħafna li meta l-kundizzjonijiet jippermettu, l-Gvern jieħu passi biex isaħħah mill-ġdid il-qagħda fiskali. 

Fir-rapport tagħhom, l-esperti tal-Kummissjoni jinnutaw li “l-miżuri li ħadet Malta huma konformi mal-linji gwida tal-Kummissjoni. Barra minn hekk dawn l-esperti jbassru li minkejja l-pakkett qawwi ta’ għajnuna li qed iwettaq il-Gvern Malti id-dejn tal-gvern hu mistenni li jibqa’ taħt is-60 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross fis-sena 2020 u 2021. Dan huwa prova ċara tal-galbu li bih qed jitmexxew il-finanzi pubbliċi.

It-tieni rakkomandazzjoni, li bħall-ewwel waħda hija komuni għal kull pajjiż, hija li tingħata likwdità lin-negozji, filwaqt li jiżdied l-investiment pubbliku speċjalment fl-ekonomija diġitali u fuq miżuri ambjentali. Il-Kummisjoni tisħaq li Malta għandna timmira li tkun “climate neutral economy” permezz ta’ investiment pubbliku u privat. Barra minn hekk importanti li l-investiment li għamel il-Gvern f’servizzi diġitali jissarraf f’użu akbar mill-pubbliku.

Anke t-tielet rakkomandazzjoni għandha x’taqsam indirettament mal-COVID-19 għax tiffoka fuq l-arranġamenti ta’ xogħol u benefiċċji tal-qgħad, filwaqt li tisħaq fuq il-bżonn li jitjiebu l-ħiliet. Din tal-aħħar hija importanti ħafna biex tgħin it-trasformazzjoni tal-ekonomija tagħna f’waħda diġitali u bi progress ambjentali.

L-aħħar rakkomandazzjoni hija fuq il-bżonn li jkompli t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza. Ta’ min jinnota li kuntrarju ghall-2019 din ir-rakkomandazzjoni ma ssemmix l-korruzzjoni kif ukoll ma ssemmix il-bżonn ta’ tisħiħ tal-mod kif jinħatru membri tal-ġudikatura. Dan huwa prova ta’ kemm ir-riformi li wettqet l-amministrazzjoni mmexxija minn Dr Robert Abela qed ikunu milqugħa fl-UE. Anke l-investiment qawwi fl-awtoritajiet regolatorji huwa nnuttat.  

Kontra l-impressjoni li jagħtu xi wħud li l-Kummissjoni issemmi l-korruzzjoni u l-money laundering biss fejn jirrigwardja pajjiżna, tajjeb li wieħed jinnota li dawn jissemmew fid-dokument tal-country specific recommendations ta’ sittax-il pajjiż. Dawn jinkludu pajjiżi Skandinavi, l-Olanda u l-Irlanda. Fuq l-Olanda jingħad li “għadd ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fl-Olanda riċentament kienu involuti f’każi ta’ ħasil ta’ flus’”, filwaqt li fuq l-Iżvezja jingħad  li  “allegazzjonijiet persistenti ta’ suspetti ta’ ħasil ta’ flus affettwaw ir-reputazzjoni tal-banek Żvediżi.”

Fuq id-Danimarka l-Kummisjoni irrakkomandat li hemm bżonn infurzar effettiv tal-anti-money laundering framework. L-istess rakkomandazzjoni saret għall-Finlandja. 

Sport