Friday, November 29, 2024

Il-Kummissjoni Maltija tal-Films tilqa’ r-rapport tal-Awditur Ġenerali

Aqra wkoll

  • L-Awditur Ġenerali jirrikonoxxi l-cash rebate bħala għodda importanti għall-investiment
  • Il-Kummissjoni ser tkompli ssaħħaħ l-operat amministrattiv tagħha

Il-Kummissjoni Maltija tal-Films laqgħet’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) li ma laqax l-ilment ta’ kwalunkwe għemil ħażin fl-amministrazzjoni tal-avveniment li sar fl-2022 mill-Kummissjoni tal-Films jew kull operat ieħor tagħha, u li jilqa’ wkoll l-istudji ekonomiċi tal-cash rebate billi jikkonferma l-investiment qawwi li jiġġenera lill-ekonomija.

Dawn huma t-tliet kisbiet mir-rapport u r-reazzjoni tal-Kummissjoni tal-Films għalihom:

  1. Is-sejbiet tal-NAO japprovaw l-istudju dwar il-cash rebate tal-Kummissjoni tal-Films, ippubblikat fl-2023, li jikkonferma li l-programm jirrendi investiment sostanzjali għall-ekonomija. Kemm l-analiżi tal-NAO kif ukoll iċ-ċifri tal-Kummissjoni tal-Films huma allinjati mill-qrib, u jenfasizzaw l-impatt pożittiv tal-programm f’setturi differenti tal-ekonomija Maltija. Skont il-valutazzjoni tal-NAO, l-inizjattiva tal-cash rebate, kif inhi llum, konsistentement ikkontribwiet valur ekonomiku lill-pajjiż permezz ta’ investiment dirett barrani.

Din il-validazzjoni tappoġġa l-pożizzjoni tal-Kummissjoni tal-Films li ilha teżisti li l-cash rebate hija vitali biex tingħata spinta lill-ekonomija Maltija billi jiġi attirat investiment barrani, jinħolqu opportunitajiet ta’ impjieg kemm diretti kif ukoll indiretti, u biex Malta tistabbilixxi ruħha bħala destinazzjoni ta’ klassi dinjija għall-produzzjonijiet internazzjonali tal-films.

  1. L-NAO sab li ma ntużaw l-ebda fondi allokati għall-iskemi lokali tal-produzzjoni tal-films għall-Malta Film Week tal-2022, għall-kuntrarju ta’ dak li ntqal.

Barra minn hekk, matul ir-reviżjoni, ma nstab l-ebda għemil ħażin.

Ir-referenza għall-mudell ekonomiku tal-Malta Film Week, immirat lejn l-għarfien tal-industrija tal-films fuq bażi nazzjonali, ġiet innutata u ristrutturata mill-Kummissjoni tal-Films, kif jidher fis-snin ta’ 2023 u 2024, fejn l-avvenimenti ġew idderiġuti lejn udjenza internazzjonali u lejn l-industrija globali tal-films.

Ir-rapport jidentifika numru ta’ nuqqasijiet amministrattivi ġenerali ta’ rutina fi ħdan il-Kummissjoni tal-Films, filwaqt li jindika oqsma fejn il-proċessi u s-sorveljanza jistgħu jitjiebu. Madankollu, tirrikonoxxi wkoll li l-Kummissjoni tal-Films topera b’numru limitat ta’ ħaddiema, speċjalment fid-dawl tal-volum ta’ responsabbiltajiet u kompiti li hija meħtieġa timmaniġġja.

Dan in-nuqqas ta’ ħaddiema huwa enfasizzat bħala fattur ewlieni li jħalli impatt fuq il-ħila tal-Kummissjoni tal-Films li tindirizza b’mod effettiv l-obbligi amministrattivi tagħha u żżomm l-aqwa effiċjenza fl-operat tagħha.

Fil-fatt, il-Kummissjoni tal-Films immaniġġjat għexieren ta’ miljuni ta’ ewro f’finanzjament ta’ cash rebate b’9 membri biss tal-istaff tal-uffiċċju.

Mindu saret l-analiżi mill-NAO, il-Kummissjoni tal-Films diġà implimentat diversi miżuri biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, inkluż żieda fl-impjiegi.

  1. Matul bosta diskussjonijiet, li s-sustanza tagħhom hija riflessa fir-rapport, ġie affermat mill-ġdid li l-mandat primarju tal-Kummissjoni tal-Films, kif stipulat fil-Malta Film Commission Act, huwa li tiffaċilita u tappoġġja l-investiment dirett barrani fi ħdan l-industrija tal-films Maltija.

Din ir-responsabbiltà ewlenija tinvolvi attivament l-importanza li jiġu attirati produzzjonijiet ta’ films internazzjonali lejn Malta, l-għoti ta’ riżorsi u appoġġ biex jiġi żgurat proċess ta’ produzzjoni bla xkiel, u l-ħolqien ta’ ambjent li jiffavorixxi l-investiment.
Billi tiffoka fuq l-investiment barrani, il-Kummissjoni tal-Films għandha l-għan li tixpruna t-tkabbir ekonomiku, toħloq aktar opportunitajiet ta’ xogħol, u ssaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala post kompetittiv u attraenti għall-proġetti globali tal-films.

Dan huwa wkoll konformi mal-bidliet riċenti, fejn skemi ta’ fondi relatati mal-produzzjonijiet tal-films lokali tmexxew għall-Ministeru tal-Kultura. Minkejja dan, il-Kummissjoni tal-Films tibqa’ impenjata li tkompli testendi l-inċentivi ta’ cash rebate għall-produzzjonijiet lokali, b’total ta’ aktar minn €12 miljun f’perjodu ta’ 7 snin, minbarra l-iskemi ta’ fondi lokali.

Fil-kummenti tiegħu, il-Kummissarju Malti għall-Films Johann Grech qal li: “Matul id-diskussjonijiet tagħna mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), ħadt pjaċir naqsam il-ħidma tal-Kummissjoni tal-Films u l-ambizzjonijiet kbar li kontinwament nistinkaw biex nilħqu, li ġew rikonoxxuti.

“Nilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent li l-cash rebate qed tiġġenera ritorn fl-investiment b’saħħtu. Jien dejjem kont fiduċjuż fil-valur ta’ dan l-inċentiv, mhux biss mill-esperjenzi tagħna stess imma, aktar importanti minn hekk, kif juri wkoll ir-rapport tal-Malta University Consulting. Dan ir-rikonoxximent isaħħaħ il-permanenza tal-cash rebate bħala mutur ewlieni tal-investiment dirett barrani li jġib miegħu ħolqien sinifikanti ta’ impjiegi diretti u indiretti għall-ekonomija Maltija.

“B’umiltà, nixtieq nestendi l-gratitudni personali tiegħi lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għall-bosta laqgħat u diskussjonijiet, li tmexxew bl-akbar professjonalità u kortesija. L-osservazzjonijiet kostruttivi tar-rapport dwar il-proċessi amministrattivi huma ġusti, u l-Kummissjoni tal-Films diġà ħadet passi proattivi biex tindirizzahom. Dan ir-rispons jenfasizza wkoll l-importanza li jkollna l-kapaċità meħtieġa biex nilħqu r-responsabbiltajiet tagħna b ’mod effettiv u nkomplu nibnu fuq is-suċċessi tagħna.

“Fl-aħħar nett, nestendi ir-ringrazzjament tiegħi lil kull membru tal-istaff fil-Kummissjoni tal-Films. Ir-riżultati li ksibna flimkien li kissru kull rekord huwa grazzi għal ħidma ta’ tim żgħir u dan jenfasizza d-dedikazzjoni, l-integrità, u l-produttività ta ’din l-entità, li jien tant kburi li mmexxi.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport