Thursday, December 26, 2024

Il-Kummissjoni ta’ Venezja tilqa’ prattikalment ir-riformi kollha tal-Gvern favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt

Aqra wkoll

Il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Venezja kkonkludew l-ewwel parti ta’ proċess ta’ riformi li jiffokaw prinċipalment fuq il-ġudikatura u fuq mekkaniżmi ta’ governanza tajba u riformi istituzzjonali.

Dan hekk kif il-Kummissjoni Venezja laqgħet prattikalment il-proposti kollha mressqin quddiemha mill-Gvern Malti.

Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, f’konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet ftit tal-ħin ilu f’Kastilja.

Il-Prim Ministru Abela qal li dan kien jinvolvi konsultazzjonijiet wiesgħa fosthom mal-President tar-Repubblika, mal-Oppożizzjoni, mas-soċjetà ċivili, membri parlamentari u stakeholders oħrajn.

Huwa żied jgħid li f’dan il-proċess ir-rieda tal-Gvern li jqis ir-reazzjonijiet li rċieva, li jiddjaloga u li jikkonsulta ntlaqgħu favorevolment fl-opinjoni finali tal-Kummissjoni.

Ir-riformi issa se jkunu qed jitressqu mill-Gvern quddiem il-Parlament biex jiġu implimentati.

Il-Prim Ministru Abela qal li dan se jkompli jitwettaq it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, ta’ governanza tajba u r-riforma fl-istituzzjonijiet.

Huwa qal li permezz ta’ dan il-proċess isem u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna se jkompli jingħata spinta kemm fuq livell Ewropew u kif ukoll fuq livell internazzjonali.

“Illum jimmarka ġurnata importanti fl-evoluzzjoni tad-demokrazija f’pajjiżna,” tenna Abela, “fejn is-sistema ta’ checks and balances se tibqa’ tiġi msaħħa.”

Huwa emfasizza li l-abbozzi tal-liġijiet qed jiġu finalizzati, biex jitressqu quddiem il-Parlament u eventwalment jgħaddu f’lijiġiet fl-iqsar żmien possibbli.

Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Ġustizzja Zammit Lewis saħaq li permezz tar-riformi li se jkunu qed jiġu fis-seħħ, għall-ewwel darba l-President tar-Republika se jkun qed jinħatar – wara l-iskadenza tat-terminu tal-President attwali Dr George Vella – permezz ta’ żewġ terzi tal-Parlament, bit-tneħħija tal-istess President biż-żewġ terzi, skont ir-rekwiżiti mitlubin mill-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Fir-rigward tal-ġudikatura, Zammit Lewis saħaq li llum-il ġurnata l-politiku u l-Gvern m’għandux x’jaqsam mal-ħatra tal-ġudikatura. L-istess japplika f’każi ta’ tneħħija – impeachment – ta’ membri tal-ġudikatura.

Huwa qal li l-Prim Imħallef se jkun qed jintgħażel permezz ta’ vot ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti, bl-istess japplika għat-tneħħija tiegħu.

Għamel referenza għar-riforma fir-rwol taI-Ombudsman, li se jkun qed jissaħħaħ l-istatuts tiegħu fuq livell kostituzzjonali f’dik li hija ħatra, tneħħija u poteri marbutin mar-rwol.

Se jkun qed jissaħħaħ ukoll ir-rwol tal-Avukat Ġenerali f’dak li huwa kapaċità amministrattiva tiegħu biex gradwalment jieħu f’idejh il-prosekuzzjoni kollha mill-Pulizija eżekuttiva li se jkunu ffukati fuq l-investigazzjonijiet.

Riforma amministrattiva oħra tikkonċerna l-ħatra tal-Kap taċ-Ċivil, li jinħatar mill-Kabinet, iżda mbagħad is-segretarji permanenti jkun hemm interface mal-kummissjoni tas-servizz pubbliku u li fl-aħħar mill-aħħar jinħatru mill-President tar-Repubblika.

L-istess fejn jidħlu l-persons of trust, fejn se jkun hemm regolamentazzjoni ċara fir-rigward tal-ħatra tagħhom.

Ekonomija

Sport