Sunday, November 24, 2024

Il-kumpanija BCRS timmira li tiġbor u tirriċikla sa 90% tal-kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Gvern ħabbar li l-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb se tidħol fis-seħħ fl-14 ta’ Novembru u li madwar il-pajjiż se jitwaħħlu 320 magna apposta. Dan is-sit tkellem ma’ Edward Chetcuti, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija li se tieħu ħsieb l-operat ta’ din l-iskema il-BCRS, fejn qalilna li din l-iskema hija soluzzjoni serja għall-problema tal-iskart u li l-kumpanija se timmira li  sas-sena 2026 tiġbor u tirriċikla sa 90% tal-kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss f’Malta u Għawdex.

B’investiment privat ta’ kważi €18-il miljun il-kumpanija privata BCRS Malta Ltd se tkun qiegħda tiġġenera madwar 50 impjieg ġdid fl-hekk msejħa “green jobs”, kemm direttament ma’ BCRS, kif ukoll indirettamet fi tħaddim ta’ din l-iskema ambjentali ġdida.

“Ladarba tibda din l-iskema, se tibdel darba għal dejjem il-mod kif niddisponu mill-kontenituri tax-xorb. Meta wieħed jew waħda tixtri flixkun jew bott tax-xorb, depożitu ta’ Eur0.10c se jiżdied mal-prezz globali tax-xarbiet li jiffurmaw parti mill-iskema,” spjega Chetcuti. 

Huwa qal li l-kontenituri li jistgħu jiġu riċiklati huma fliexken u bottijiet vojta li jintużaw darba biss li huma magħmula minn plastik, metall u ħġieġ li kien fihom ilma, soft drinks, energy drinks, birra, ciders, bevandi li jitħaltu jew xorb bit-togħma, dawk magħrufa l-flavoured drinks. Il-kontenituri tal-inbid, tal-ispirti, tal-ħalib u dawk tal-juices ma jinġabrux minn din l-iskema.

Il-proċedura hija li ladarba l-kontenitur vojt jiġi depożitat f’Reverse Vending Machine, il-konsumatur se jirċievi lura vawċer tal-istess 10 ċenteżimi li jista’ jinfeda kontra l-kont fi ħwienet li jbigħu dawn ix-xarbiet. Aktar minn 300 reverse vending machine se jkunu installati fis-supermarkets, fil-ħwienet ewlenin tax-xorb u fi ħdan Public Recycling Hubs madwar Malta u Għawdex.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BCRS qal li l-ħwienet u r-ristoranti jistgħu jirritornaw il-kontenituri tagħhom jew f’waħda mill-Public Recycling Hubs permezz ta’ servizz ta’ kards li se tipprovdi BCRS stess jew inkella  l-operaturi jistgħu wkoll jidħlu f’servizz ta’ ġbir  permezz ta’ boroż u siġilli apposta li se tipprovdi l-kumpanija tagħhom. 

Meta jirriċikla l-kontenituri, il-konsumatur għandu jiftakar li fil-każ ta’ vawċer maħruġ minn Reverse Vending Machine li qiegħda f’supermarket, dan il vawċer ikun jista’ jissarraf biss kontra l-kont ta’ dak l-istess supermarket jew ħwienet oħra tal-istess supermarket. Inkella, fil-każ ta’ vawċer maħruġ minn Reverse Vending Machines li jkunu f’Public Recycling Hubs fil-lokalitajiet, dan jista’ jissarraf għand kwalunkwe ħanut li jbigħ dawn ix-xarbiet madwar Malta jew Ghawdex.

L-aktar affarijiet importanti biex tiżgura li tikseb id-depożitu tiegħek lura huwa li tieħu ħsieb li l-kontenituri tax-xorb li qegħdin jiġu rritornati fil-magni apposta huma:

– Fl-ambitu tal-iskema;

– Mhux mgħaffġa; u li

– Il-barcode fuq it-tikketta jidher b’mod ċar.

Barra minnhekk, il-kontenitur għandu jkun vojt u fejn jista’ jkun bit-tapp ukoll bil-għan li jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ.

Mill-informazzjoni li tagħna, Chetcuti qalilna li, “il-kontenituri tax-xorb użati, li bħalissa bosta jintremew b’modi mhux tant responsabbli f’landfills, fil-kampanja u fil-baħar, minflok dawn se jaslu fil-clearing centre ġdid ta-BCRS f’Ħal Far fejn se jiġu magħżula skont it-tip ta ‘materjal permezz ta’ tagħmir speċjalizzat u ppakkjati b’mod effiċjenti ħalli jiġu esportati għar-riċiklaġġ”. 

Tħaddim b’”net zero” energy footprint 

Il-Clearing Centre ta-BCRS huwa bini ddisinjat u mibni apposta, bil-permessi ambjentali kollha mill-Aġenzija tar-Riżorsi Ambjentali (ERA) u m’għandu l-ebda emissjonijiet jew skariki li jaffettwaw l-ambient tal-madwar. 

Barra minnhekk, il-bini mibni bl-użu ta’ materjali li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent meta jiġu riċiklati bħal saqaf tal-injam, pannelli iżolati u aperturi tal-aluminju u tal-ħġieġ, b’carbon footprint ferm iżgħar mill-istrutturi tal-konkos tipikament mibnija f’Malta, liema bini kien ukoll iddisinjat biex ikompli jevolvi f’tħaddim b’”net zero” energy footprint hekk kif jevolvi l-operat tal-iskema.

Min-naħa tiegħu Edward Chetcuti temm jgħid li dan il-proċess iħaddem b’mod effettiv l-ekonomija ċirkolari li biha l-iskart tagħna jerġa’ jsir riżors għal użu fil-futur, filwaqt li jitnaqqas ħafna l-iskart u jtejjeb l-ambjent tagħna.

Sport