Saturday, December 21, 2024

Il-kumpanija Netflix keċċiet 150 ħaddiem minħabba tnaqqis ta’ abbonati

Aqra wkoll

Il-kumpanija Netflix itterminat l-impjieg ta’ madwar 150 ħaddiem. Dan hekk kif xahar ilu l-istess kumpanija kienet irrappurtat li qed jonqsulha l-abbonati. Din kienet l-ewwel darba f’għaxar snin li Netflix irrappurtat li qed titlef persuni li huma abbonati fis-servizz tagħha. 

It-terminazzjoni tal-impjieg se tkun qiegħda taffettwa l-uffiċini li din il-kumpanija għandha ġewwa Kalifornja. Fi stqarrija li ħarġet, Netflix qalet li t-tkeċċija tal-ħaddiema kellha ssir minħabba li l-kumpanija qiegħda tesperjenza tnaqqis fid-dħul u dan hekk kif matul din is-sena kien hemm “eżodu” ta’ abbonati. 

S’issa għadu mhux ċert eżatt liema dipartimenti ġew affettwati, iżda sorsi li tkellmu mal-midja qalu li d-dipartimenti tar-reklutaġġ u komunikazzjoni ġew affettwati. 

F’April li għadda, din il-kum­panija ġganteska kienet ħabbret li fl-ewwel tliet xhur tas-sena tilfet xejn inqas minn 200,000 abbonat. Hija kienet wissiet ukoll li qed tbassar illi żewġ miljun abbonat ieħor se jabbanundaw dan is-servizz sal-aħħar tas-se­na.

Netflix għandha xejn inqas minn 220 miljun abbonat madwar id-dinja. Minkejja li din hija l-iktar pjattaforma popolari, din qiegħda tiffaċċja sfida qalila minn rivali bħal Disney Plus, HBO u Amazon’s Prime Video. 

Ekonomija

Sport