Il-kumpanija tal-espert Irlandiż Jeremy Harbinson allegatament tħallset għax-xogħol fuq l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, saħansitra qabel ma inħatret biex twettaq dan l-istess xogħol.
Allegatament kważi l-esperti kollha fl-inkjesta inħatru b’digriet tal-Maġistrat inkwirenti Gabriella Vella, li jġib id-data tat-2 ta’ Settembru tas-sena 2020. Dan ifisser illi r-rabta kuntrattwali u kummerċjali bejn l-Aġenzija tal-Qorti u l-esperti bdiet isseħħ minn dakinhar.
Allegatament Harbinson Forensics Limited, il-kumpanija tal-espert ewlieni fl-inkjesta tal-isptarijiet, Jeremy Harbinson, tħallset kont ta’ £6,700 relatat mal-istess inkjesta, qabel id-data tat-2 ta’ Settembru tas-sena 2020.
Espert legali li tkellemqal li huwa minnu li l-esperti tal-Qorti fl-inkjesta tal-isptarijiet kellhom il-permess li jonfqu kemm iridu għax ma kienx hemm parametri finanzjarji ta’ xejn. ‘Imma li jsiru ħlasijiet għal esperti li lanqas biss ikunu għadhom maħtura tikkonferma kemm u kif ir-regoli finanzjarji pubbliċi u dawk dwar ix-xiri pubbliku ġew injorati għal kollox, anki minn dawk li qegħdin hemm biex jiġġudikaw allegati ksur tal-liġi’, sostna l-istess espert.
Bejn is-sena 2017 u s-sena li għaddiet l-ispiża fuq l-esperti tal-Qorti laħċet id-€29.3 miljun. Harbinson Forensics Ltd waħidha ħadet €18.3 miljun jew iktar minn 60 fil-mija tan-nefqa kollha.
€11-il miljun minnhom kienu relatati mal-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet li damet għaddeja ħames snin u li kienet ippubblikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda. Dan juri kif din il-kumpannija ddominat it-talbiet tal-Qorti għas-servizzi forensiċi fl-aħħar seba’ snin.
Minkejja dan kollu, Jeremy Harbinson f’affidavit li bagħat lill-Qorti fil-bidu ta’ Frar iddikjara li mhu se jiġi qatt lura lejn Malta u li mhux disponibbli biex ikun involut bl-ebda mod fil-proċeduri li għaddejin fil-Qorti fuq il-bażi tar-rapport dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet u li fi kliemu stess huwa kkordina x-xogħol kollu fuqu.
Harbinson iddikjara li r-rapport li ħejjew huwa u l-esperti tiegħu qatt ma semma’ akkużi kriminali u freezing orders u żied li fuq din il-bażi, huwa m’għandu x’jaqsam xejn mal-akkużi kriminali u l-freezing orders li inħarġu wara l-inkjesta. Fuq il-bażi tar-rapport tal-inkjesta, li issa l-espert Irlandiż ma jridx ikollu x’jaqsam iktar miegħu, ħarġu sensiela ta’ akkużi mill-iktar serji fil-konfront ta’ numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
L-espert Irlandiż qal li f’Lulju 2024 sar kuntatt miegħu biex jassisti fil-proċeduri kriminali li kienu nbdew iżda huwa wieġeb li ma kienx disponibbli biex ikun involut iktar. Harbinson saħaq li huwa ma kellu ebda obbligu kuntrattwali biex jipprovdi iktar assistenza, iktar u iktar għax huwa ċeda l-warrant ta’ accountant forensiku u jrid igawdi l-irtirar mix-xogħol.
F’seduta quddiem l-Imħallef Edwina Grima nhar il-Ħamis l-avukati ta’ wħud mill-akkużati dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet saħqu illi Harbinson allegatament wettaq reat kriminali doppju.
Huma spjegaw illi l-espert Irlandiż wettaq reat kriminali meta fl-affidavit li ppreżenta iktar kmieni dan ix-xahar qal li f’Lulju tas-sena l-oħra kien ta lura l-warrant tiegħu ta’ accountant forensiku u għalhekk ma setax jixhed iktar, meta jirriżulta li fit-28 ta’ Ottubru huwa fil-fatt xehed quddiem il-Qorti ta’ Malta Dan ifisser li fl-affidavit li ppreżenta, Harbinson ħa ġurament falz.
L-avukati saħqu wkoll illi Harbinson qiegħed iwettaq reat kriminali anki meta issa akkost ta’ kollox qiegħed jibqa’ jirrifjuta li jixhed fil-proceduri li hemm quddiem il-Qorti u li huma bbażati fuq ir-rapport tiegħu.
Fil-fatt f’ċirkostanzi fejn xi ħadd jirrifjuta li jixhed il-liġi Maltija taħseb li l-persuna involuta tkun arrestata u fi żmien tmienja u erbgħin siegħa titressaq quddiem il-Qorti. Il-Qorti imbagħad tista’ timmulta lill-persuna involuta jew din il-persuna tintbaghat mhux iżjed minn tlete xhur habs, jew teħel it-tnejn flimkien.
Fil-bidu tas-seduta l-Imħallef Grima qalet li l-Qorti kienet reġgħet stiednet lil Jeremy Harbinson sabiex jixhed permezz ta’ kollegament bil-video conference iżda din l-istedina ġiet rifjutata mill-espert Irlandiż.