Sistema ġdida ta’ gate fees differenzjati se tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sabiex Malta tkompli miexja ’l quddiem fil-miri ambjentali tagħha. B’dawn il-bidliet mhux se jiġu affetwati dawk is-servizzi li bħalissa huma offruti lill-pubbliku bla ħlas, jiġifieri l-ġbir tal-iskart bieb bieb, il-ġbir ta’ skart goff, l-użu taċ-Ċentri għall-Iskart Goff u s-servizz ta’ Roadshow Truck. Din is-sistema hija intiża biex tpoġġi l-ambjent bħala prijorità mingħajr ma xxekkel l-isforzi li diġà qed isiru mill-pubbliku.
Dan tħabbar waqt konferenza stampa li ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca ġewwa l-Kumpless ECOHIVE.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif Malta għandha l-ogħla rata ta’ skart mormi fil-miżbliet fost il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. “L-impatti negattivi li jġibu magħhom il-miżbliet huma ħafna, fosthom l-impatt viżwali, il-problemi bl-irwejjaħ, it-teħid ta’ art agrikola u oħrajn. Biex nindirizzaw dawn l-isfidi hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu għoxrin sena ilu sabiex nibdew it-transizzjoni ħalli sa 2035 ir-rata ta’ 90% ta’ skart mormi fil-miżbliet tinżel għal 10%.”
Il-Ministru Dalli sostniet li dan il-Gvern huwa kommess li b’ħidma flimkien mal-istakeholders kollha jieħu deċiżjonijiet li jpoġġu l-ambjent bħala prijorità assoluta, għax fuqu jiddependi il-futur ta’ wliedna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca spjega kif matul is-snin il-miżbliet ħolqu problemi estensivi fil-pajjiż u għalkemm WasteServ f’dawn l-aħħar snin irrijabilitat il-miżbla ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq u tal-Qortin f’Għawdex, sostna li jkun ferm kontradittorju li nibqgħu noħolqu pjagi ambjentali ġodda billi ma nieħdux azzjoni. Huwa spejga ukoll kif WasteServ għandha kollox lest biex tinforza din is-sistema b’mod li teskludi kwalunkwe abbuż mill-1 ta’ Jannar li ġej.
Huwa rrimarka li bl-investiment ECOHIVE ta’ €500 miljun, il-pajjiż għamel l-ewwel pass lil hinn mill-politika tal-passat u llum qed isir it-tieni pass biex b’mod konkret is-settur jiġi inċentivat jissepara l-iskart, bil-pass li jmiss tkun is-separazzjoni mandatorja.
Dan it-tibdil se jkun qed jaffettwa biss lil dawk it-trakkijiet li jmorru jarmu direttament fil-faċilitajiet ta’ WasteServ. Ir-rata biex jintrema skart imħallat li llum hija ta’ €20 kull tunnellata se tkun qed tiżdied għal €40 mill-1 ta’ Jannar u kull sena se jkun hemm żieda gradwali ta’ €20 sakemm tilħaq €120 fl-2037. Mhux se jkun hemm tibdil fir-rati tar-rimi tal-iskart riċiklabbli u organiku li bħalissa huma ta’ 0.50ċ kull tunnellata u €20 kull tunnellata rispettivament. Dan iffiser li l-operaturi li għadhom ma jisseparawx l-iskart kummerċjali se jkunu qed jiffrankaw il-flus meta jidħlu jarmu fil-faċilitajiet ta’ WasteServ jekk l-iskart jibda jkun separat.
Fix-xhur li ġejjin WasteServ ser tkun qed tinawgura impjant state-of-the-art f’Ħal Far li se jkun qed jipproċessa apparat elettriku u elettroniku (WEEE), tajers, injam, saqqijiet, ħġieġ ċatt, jablo, tessuti u gypsum. Hekk kif kif stipulat fil-kuntratt tal-fondi Ewropej għal dan il-proġett, il-gate fees għal dawn il-materjali se jkunu differenzjati skont l-ispejjeż reali relatati mat-trattament ta’ dawn il-materjali. Dan il-mekkaniżmu se jkompli jinkoraġġixxi l-industrija biex tnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart u tissepara l-iskart tagħha peress li l-iskart imħallat se jkun l-iktar wieħed għoli biex jiddaħħal fil-faċilitajiet ta’ WasteServ sas-sena 2027.
Din il-miżura hija parti mill-Pjan fit-Tul għall-Immaniġġjar tal-Iskart, liema pjan huwa intiż biex Malta tilħaq il-miri ambjentali tagħha. Ta’ min ifakkar li fl-2021, WasteServ kissret kull rekord relatat mal-ipproċessar u l-esportazzjoni ta’ materjali riċiklabbli u deċiżjonijiet bħal dawn huma kruċjali biex nilħqu miri ambjentali iktar ambizzjużi. Aktar dettall fuq dawn il-gate fees se jkun disponibbli fuq is-sit ta’ WasteServ u anke permezz ta’ tabelli fis-siti prinċipali ta’ WasteServ.