Wednesday, October 15, 2025

Il-kunċert ‘Paganini to Piazzolla’ fit-Teatru Manoel

Aqra wkoll

Il-vjolinist Malti Samuel Cutajar jingħaqad mal-kitarrista Ġermaniż/Awstraljan Kolja Gibbs, bħala Duo Hafdar, għal kunċert eċċitanti Paganini to Piazzolla fit-Teatru Manoel nhar l-Erbgħa 29 ta’ Ottubru. Il-programm isegwi vjaġġ mużikali li jesplora l-versatilità espressiva tal-vjolin u l-kitarra għal aktar minn tliet sekli.

Mill-eleganza raffinata tas-Sonata ta’ Albinoni għall-istil tal-virtuoso Paganini, il-kunċert ikompli bil-liriċiżmu romantiku u s-seħer tas-seklu 20 qabel ma jasal għad-dinja passjonata tal-Histoire du Tango ta’ Astor Piazzolla. Inklużi fil-programm insibu wkoll xogħlijiet minn żewġ kompożituri Maltin – Carlo Fiamino u Albert Garzia.

Samuel daqq bħala solista ma’ orkestri kbar grazzi għall-Fondazzjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Kultura. Huwa rebaħ il-Kompetizzjoni Vera Kantrovich Bach fl-2020 wara li daqq it-tieni sonata f’A minor ta’ Bach bħala solist. Minn mindu beda l-istudji tiegħu fir-Royal Academy, Samuel ingħata skema ta’ mentoring mal-Birmingham Royal Ballet u issa jdoqq regolarment ma’ din l-orkestra. Jieħu sehem ukoll mas-Sinfonia Cymru u l-Glyndebourne Sinfonia. Ilu membru tal-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea mill-2020 u mexxa wkoll l-orkestra tar-Royal Academy, fejn ħadem ma’ ismijiet ta’ fama mondjali, inklużi Sir Simon Rattle, Antonio Pappano, Gianandrea Nosseda, Vasily Petrenko, Pekka Kuusisto u ħafna aktar.

Kolja Joseph Gibbs huwa kitarrist klassiku Ġermaniż/Awstraljan li beda l-karriera tiegħu f’Londra fl-2015 u minn dakinhar ‘l hawn kien attiv bħala mużiċist, arranġatur u għalliem. Fl-2022 huwa temm Baċellerat fil-Mużika bl-unuri tal-ewwel grad fit-Trinity Laban Conservatoire of Music and Dance taħt it-tagħlim tal-Prof. Graham Anthony Devine, u temm il-Masters tiegħu fil-Conservatorium Maastricht fil-klassi rinomata tal-Prof. Carlo Marchione fl-2024.

Dan huwa kunċert eċċitanti għal dawk li jħobbu l-mużika tal-vjolin u l-kitarra, u l-biljetti jinkisbu mis-sit elettroniku teatrumanoel.mt jew mill-uffiċċju tal-bookings tat-Teatru Manoel, jew billi ċċempel fuq 2124 6389.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport