Friday, September 13, 2024

Il-Kunċert Popolari Opera in the Capital jirritorna f’Awwissu

Aqra wkoll

Il-kunċert popolari Opera in the Capital jirritorna fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta fit-30 ta’ Awwissu, fid-9pm. Dan l-avveniment iwiegħed lejla sajfija mill-isbaħ ta’ siltiet operistiċi u oħrajn aktar leġġeri, li jiċċelebraw l-elementi maestużi tal-vuċi umana – l-attrazzjoni ewlenija ta’ din is-serata.

It-tenuri Alan Sciberras, Cliff Zammit Stevens u s-sopran Nadia Vella huma s-solisti tal-lejla u ser ikunu akkumpanjati mill-Malta Philharmonic Orchestra taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Maestro Michael Laus.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal kif dan l-avveniment għandu l-għan li jittrasporta l-udjenza permezz tal-qawwa tal-vuċi, fl-isfond stupend tal-arkitettura storika tal-Belt Valletta. Opera in the Capital jiċċelebra kemm l-arti tal-mużika kif ukoll il-wirt kulturali uniku tal-Belt Valletta.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, tenna, “L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Opera in the Capital tara lis-sopran ta’ stoffa Nadia Vella tingħaqad mat-tenuri Alan Sciberras u Cliff Zammit Stevens f’avveniment ieħor ta’ kwalità għolja mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Wara s-suċċess tal-Valletta Pageant of the Seas f’Ġunju, qed nippreżentaw avveniment ieħor fil-miftuħ mill-aqwa filwaqt li niċċelebraw is-sbuħija tal-kapitali.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Catherine Tabone, enfasizzat, “Opera in the Capital mhux biss kunċert; huwa esperjenza mfassla biex tilħaq kemm lid-dilettanti tal-opra kif ukoll oħrajn li mhumiex daqshekk midħla fil-qasam, filwaqt li tiċċelebra l-lingwa universali tal-mużika fil-qalba tal-Belt Valletta. Ninsab kburija li qed nippreżentaw programm daqshekk divers f’post ikoniku – Pjazza San Ġorġ.”

Fost is-siltiet magħzula hemm l-arja mimlija emozzjoni La fleur que tu m’avais jetée mill-opra Carmen ta’ Bizet u È la solita storia del pastore minn L’Arlesiana ta’ Cilea li jikkuntrastaw bil-kbir mad-drammatiċità ta’ Donna non vidi mai minn Manon Lescaut ta’ Puccini.

Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn showshappening.com.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt

Ekonomija

Sport