Bejn l-4 u s-6 ta’ April li ġej, it-Teatru Manoel u TOI TOI se jippreżentaw ir-ritorn tal-Kunċert tal-Għid tant mistenni. It-tema ta’ din is-sena, ‘Il-Maġija tal-Films’ (Movie Magic) se tkun qiegħda tieħu lill-familja fuq tour spettakolari tas-soundtracks tal-films favoriti ta’ kulħadd.
F’serata ta’ mużika live, udjenzi ta’ kull età qegħdin jiġu mistednin sabiex jimmeraviljaw irwieħhom bl-iktar mużika ikonika u li tesprimi ruħha b’ċerta qawwa fost dik miktuba għall-iskrin.
Din se tinkludi mużika minn E.T., Star Wars, Avengers, Shrek, Harry Potter, kif ukoll kanzunetti li l-udjenzi ta’ TOI TOI jistgħu jkantaw magħhom mill-films ta’ Disney, Netflix, Universal u Pixar studios, li faqgħu l-box offices rispettivi tagħhom.
Bl-akkompanjament tal-ensemble orkestrali tat-TOI TOI mal-kast ta’ kantanti żgħar ta’ talent, flimkien ma’ xi mistednin ferm speċjali, ‘Movie Magic’ iwiegħed li jġib il-ferħ tal-mużika live lil kull membru tal-familja. Bla dubju ta’ xejn, matul is-serata, se jkun hemm ukoll mumenti eċitanti fejn wieħed jista’ jissieħeb fil-kant.
Issa li qed jittella’ għas-sitt sena konsekuttiva, il-Kunċert tal-Għid tat-TOI TOI joffri mument annwali fil-kalendarju sabiex il-familja kollha tissieħeb flimkien f’esperjenza kollettiva, u tiġbor lill-membri kbar u żgħar tal-komunità flimkien sabiex jieħdu gost b’mużika live ġewwa t-Teatru Nazzjonali tant sabiħ ta’ Malta.
Id-direzzjoni mużikali ta’ ‘Movie Magic’ hija ta’ Tom Newall u l-koreografija hija ta’ Warren Bonello. Il-kitba u d-direzzjoni ta’ din il-produzzjoni hija tal-Manager tal-Programm ta’ Tagħlim u Parteċipazzjoni tat-TOI TOI, Kate Fenech Field, b’kontribuzzjonijiet mid-diretturi emerġenti Faye Mallia u Nicole Sciberras.
‘Movie Magic’ se jagħti l-ħajja lill-palk tat-Teatru Manoel bi prestazzjonijiet f’Sibt il-Għid (l-4 ta’ April) fit-20:00 u f’Ħadd il-Għid (il-5 ta’ April), ftit aktar kmieni, fil-17:00 u t-Tnejn 6 ta’ April fit-15.00. Il-biljetti għal tfal minn 4 snin sa 16-il sena jiswew €15, filwaqt li l-biljetti għal dawk minn 17-il sena ’l fuq jiswew €30. Min hu interessat jista’ jaqta’ l-biljetti online minn fuq is-sit elettroniku: https://teatrumanoel.mt/event/movie-magic/ jew mill-Box Office tat-Teatru Manoel.


