Wednesday, December 25, 2024

Il-kunflitt fil-Lvant Nofsani: Biden jittama għal waqfien mill-ġlied sal-ġimgħa d-dieħla

Aqra wkoll

Il-President Amerikan Joe Biden wera t-tama li “sa nhar it-Tnejn li ġej” ikun hemm waqfien mill-ġlied fil-gwerra bejn Iżrael u Gaża.

Huwa għadda dawn il-kummenti fost rapporti ta’ progress milħuq fin-negozjati li għaddejjin li jinvolvu rappreżentanti tal-Iżrael u tal-Ħamas fil-Qatar.

L-Iżrael beda bl-attakk tiegħu f’Gaża fis-7 ta’ Ottubru li għadda wara li l-Ħamas qatlu madwar 1,200 persuna fin-naħa t’isfel tal-pajjiż. L-aggressuri ħadu wkoll bħala ostaġġ 253 persuna u minn dakinhar inħelsu numru minhom.

Il-Ministeru tas-Saħħa mmexxi mill-Ħamas fil-medda ta’ Gaża qed isostni li minn tal-inqas 29,782 persuna nqatlu fit-territorju, fosthom 90 persuna matul il-jum tal-Ħadd biss.

Il-President Biden, li pajjiżu huwa l-alleat ewlieni ta’ Iżrael, kien qed jitkellem mal-ġurnalisti fi New York City dwar il-possibiltà ta’ waqfien mill-ġlied. “Ninsabu viċin. It-tama tiegħi hija li sa nhar it-Tnejn ikollna waqfien mill-ġlied.”

Kelliem għad-Dipartiment tal-Istat Amerikan qal li fl-aħħar jiem kien hemm “progress fin-negozjati” biex jinħelsu l-ostaġġi Iżraeljani. Iżda ġie rrapportat li għadu mhux ċar jekk il-Ħamas aċċettax l-aħħar ftehim propost.

“Kellna progress fil-koversazzjonijiet li kellna bejn l-Eġittu, l-Iżrael, l-Istati Uniti u l-Qatar,” qal il-kelliem Matthew Miller.

Ekonomija

Sport