Friday, February 13, 2026

Il-Kungress Amerikan jivvota kontra t-tariffi ta’ Trump fuq il-Kanada

Aqra wkoll

Il-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti vvotat biex jitneħħew it-tariffi tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump fuq prodotti Kanadiżi. F’vot ta’ 219 kontra 211, sitt leġiżlaturi Repubblikani ngħaqdu mad-Demokratiċi biex jappoġġjaw riżoluzzjoni li tfittex li ttemm it-tariffi li Trump impona fuq il-Kanada s-sena l-oħra.

Għalkemm sinifikattiv, il-vot huwa fil-biċċa l-kbira simboliku peress li xorta jrid jiġi approvat mis-Senat tal-Istati Uniti u wara approvat minn Trump, li x’aktarx ma jiffirmahx f’liġi.

Minn meta ġie rielett, Donald Trump impona serje ta’ tariffi fuq il-Kanada, u dan l-aħħar hedded taxxa ta’ importazzjoni ta’ 100% b’reazzjoni għall-ftehim kummerċjali propost mill-Kanada maċ-Ċna.

Hekk kif kien qed jittieħed il-vot fil-Kamra tad-Deputati, Trump kiteb fuq Truth Social li kwalunkwe Repubblikan, fil-Kamra tad-Deputati jew fis-Senat, li jivvota kontra t-Tariffi se jsofri serjament il-konsegwenzi meta jasal iż-żmien tal-elezzjoni.

Trump żied jikteb li t-Tariffi tiegħu ġabu sigurta ekonomika u nazzjonali għall-Istati Uniti u l-ebda Repubblikan m’għandu jkun responsabbli għall-qerda ta’ dan il-privileġġ.

Il-vot ittieħed xorta waħda minkejja l-attentati tal-Ispeaker Mike Johnson, alleat qawwi ta’ Trump fil-Kungress, li pprova mingħajr suċċess jimblokka d-diskussjoni fil-kamra tad-deputati dwar it-tariffi ta’ Trump.

Ir-Repubblikani għandhom maġġoranza żgħira ħafna fil-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti, u s-sitt Repubblikani li vvutaw kontra t-Tariffi flimkien ma’ front kważi magħqud mid-Demokratiċi kienu biżżejjed biex jiżguraw l-eżitu tal-vot.

L-abbozz kontra t-tariffi kien ġie introdott mid-Demokratiku Gregory Meeks li akkuża lil Donald Trump li uża l-arma t-tariffi kontra l-alleati tal-Istati Uniti u ddestabilizza l-ekonomija globali.

Qabel ma ttieħed il-vot, Meeks qal li dawk it-tariffi mhux biss għamlu ħsara immensa lir-relazzjoni tal-Amerka mal-Kanada, iżda mbuttaw lil Kanada eqreb lejn iċ-Ċna, apparti li żiedu wkoll il-prezzijiet u l-inflazzjoni fl-Istati Uniti. 

Meeks, l-ogħla Demokratiku fil-kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti, qal li l-miżura dwar il-Kanada hija l-ewwel minn diversi abbozzi ta’ liġi li qed jippjana li jintroduċi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-azzjoni kummerċjali ewlenija ta’ Trump.

Don Bacon, ir-Rappreżentant minn Nebraska li kien wieħed mis-sitt Repubblikani li ngħaqad mad-Demokratiċi fl-approvazzjoni tal-miżura, qabel il-vot, qal li t-tariffi kienu miżura negattiva netta għall-ekonomija u huma taxxa sinifikanti li l-konsumaturi, il-manifatturi u l-bdiewa Amerikani qed iħallsu.

L-abbozz issa jonqsu jgħaddi għand is-Senat tal-Istati Uniti fejn ir-Repubblikani għandhom ukoll il-maġġoranza. Anke jekk jingħeleb dak l-ostaklu, mhux probabbli li jiġi ffirmat f’liġi.

Separatament, it-tariffi ta’ Trump qed jiffaċċjaw ukoll skrutinju legali hekk kif il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti mistennija tiddeċiedi dalwaqt dwar każ li jiddubita l-awtorità legali tal-president li jimponi t-taxxi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport