Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Zabbar flimkien ma’ residenti, għamlu protesta kontra l-permess ta’ binja b’għoli ta’ ħames sulari fil-qalba ta’ Ħaż-Żabbar biswit is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja. Il-protesta li għaliha attendew madwar 50 persuna, saret fi sfond ta’ għaqda f’isem il-lokalità, lil hinn min kuluri u opinjonijiet differenti. Il-Kunsill iddikjara li mhuwiex kontra dar tal-anzjani imma kontra l-iżvilupp mhux b’mod sostenibbli, b’rispett lejn il-pjazza u lejn il-wirt storiku ta’ Ħaż-Żabbar.
Fi stqarrija l-Kunsill spjega li huwa kontra l-iżvilupp tal-għoli propost. Qiegħed jeżiġi li dan għandu jkun f’livell ta’ 3+1 biex b’hekk jirrispetta ż-żona, hekk kif enfasiszaw SCH – Superintendence of Cultural Heritage.
Insista li, “il-binja proposta hija kważi għolja aktar mill-bejt ta’ Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja u li l-iżvilupp ma jipprovdi l-ebda transizzjoni mal-UCA, mal-qalba tal-lokal”.
Fost affarijiet oħra l-Kunsill ta’ Ħaż-Żabbar u r-residenti jaraw li dan il-proġett se joħloq konġestjoni fil-qalba ta’ żona li l-Pjan Lokali riedha ssir aktar pedonali u aktar sigura, filwaqt li qed jipprovdi ftit parkeġġi mqabbla mal-bżonn u se jkollhom jitneħħew aktar parkeġġi mill-Pjazza u Triq Ġanni Bonavia.
Il-Kunsill Lokali qiegħed iservi ta’ vuċi tal-komunità Żabbarija.

