Matul din il-ġimgħa, il-Kunsill Lokali tal-Fgura, ippreżenta mandat ta’ inibizzjoni sabiex il-Qorti tordna biex b’seħħ immedjat ma jsirx it-twaqqigħ tar-Razzett l-Antik li jinsab fi Triq Hompesch, u dan sakemm ikun hemm deċizjoni dwar talba għall-iskedar tal-istess razzett. Din it-talba ntlaqet provizorjament mill-Qorti, li appuntat il-mandat għas-smiegħ aktar tard dan ix-xahar.
Fit-2 t’Ottubru ta’ din is-sena, il-Kunsill Lokali tal-Fgura kien ressaq talba għall-iskedar ta’ dan ir-razzett, quddiem l-Awtoritá tal-Ippjanar. Din it-talba li hija msejjsa fuq rapport tekniku ieħor li kien ikkommissjonat mill-istess Kunsill Lokali, reġa’ kien spjegat u enfasiżżata l-importanza storika li din il-binja partikolari għandha għal-lokalitá tal-Fgura.
Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Kunsill Lokali tal-Fgura jħoss li għandu obbligu u responsabiltá bil-liġi li tirregola l-istess Kunsilli Lokali f’pajjiżna (Kap 363), sabiex jipproteġi b’kull mod possibli l-identitá tal-lokalitá, filwaqt li jieħu kull forma ta’ inizjattiva neċċessarja u meħtieġa sabiex jassigura li jissalvagwarja l-wirt storiku u kulturali tal-Fgura.
Il-ħidma li saret f’dawn l-aħħar snin mill-Kunsill Lokali tal-Fgura, b’referenza għal dan ir-razzett inkwistjoni, tikkonferma l-impenn kostanti tal-Kunsill Lokali biex isalva lil dan ir-razzett milli jinqered għal kollox.
Kemm il-darba dan jitħalla jsir, il-Fgura, ir-residenti u dawk kollha li għandhom għal qalbhom din il-lokalitá, se jkunu tilfu għal kollox parti importanti u unika mill-istorja mmgħoddija tal-Fgura. Dan għaliex dan ir-razzett, fil-passat kien fiċ-ċentru tal-lokalitá u kellu kontribut importanti fit-tfassil tal-istorja u l-identitá tal-Fgura u jkun sfreġju kbir ambjentali u storiku, jekk ma nsalvawx lil dan ir-razzett u jitħalla jinqered.
Il-Kunsill Lokali tal-Fgura, filwaqt li se jkompli jsegwi l-iżviluppi kollha marbuta ma’ dan il-mandat ta’ inibizzjoni, se jkompli jiddiskuti u jseplora kull mezz possibli biex dan il-patrimonju jiġi salvat.
L-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Fgura se jibqa’ l-istess, ċioé li b’ħidma konġunta u maqgħuda bejn il-Kunsilliera kollha eletti f’isem ir-residenti tal-lokalitá, u li ġejjin mill-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, se jkompli jsir dak kollu li hu possibli u skont il-liġi, biex ikun assigurat li din il-binja storika u ta’ importanza għall-Fgura, tkun salvata. L-istess Kunsill Lokali tal-Fgura jemmen li dan l-isforz kollu għandu jsir u jibqa’ kostanti sal-aħħar, b’rispett u obligu lejn l-istorja li sawret l-identitá ta’ waħda mill-lokalitajiet ‘il kbar fin-Nofsinhar ta’ Malta, kif ukoll b’responsabiltá lejn ir-residenti u l-ġenerazzjonijiet futuri.
Kemm ‘il darba dan ir-razzett jitħalla jinqered, il-Kunsill Lokali tal-Fgura jemmen li l-messaġġ li se nkunu qed nibgħatu messaġġ ħażin u li jmur lilhinn mill-apprezzament dovut, lill-anzjani tagħna. Dawn għamlu ħajjithom jaħdmu biex jipproteġu l-wirt storiku li għadna llum, u aħna għadna obligu u responsabbiltá li dan l-istess wirt, mhux biss nikkonservaħ iżda ngħadduħ fl-istess stat, lill-ġenerazzjonijiet tal-futur, u li se jkunu qed imexxu lill-Fgura ta’ għada.