Il-Kunsill Malti għall-Arti organizza avveniment ta’ jum għal produtturi Maltin u professjonisti awdjoviżivi li xtaqu iżjed għarfien dwar kif jaħdem Eurimages u kif jista’ jgħinhom fil-proġetti tagħhom. L-avveniment, intitolat Unlocking Opportunities with Eurimages (Aktar Opportunitajiet permezz ta’ Eurimages) sar fi Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta.
L-avveniment seħħ wara li Malta reċentament issieħbet f’Eurimages li hu l-fond ta’ appoġġ għaċ-ċinema tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-fond jista’ joffri opportunitajiet enormi għal produtturi tal-films Maltin billi joffrilhom opportunitajiet biex ikunu koprodutturi f’xogħlijiet Ewropej, u opportunitajiet fid-distribuzzjoni u l-esebizzjoni fl-Ewropa, apparti li joħloq possibbiltajiet ġodda li jaħdmu lil hinn minn xtutna.
Dr Luke Dalli, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti qal, “Is-sħubija ta’ Malta f’Eurimages hija pass sinifikanti lejn it-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tas-settur awdjoviżiv tagħna. Dan l-avveniment jirrifletti l-impenn tagħna li niżguraw li l-produtturi u l-prattikanti lokali mhux biss ikunu konxji tal-opportunitajiet disponibbli, imma jkunu mgħammra wkoll bl-għarfien u bin-netwerks meħtieġa biex jaċċessawhom b’mod effettiv. Aħna u nrawmu l-kollaborazzjoni u nħeġġu approċċ iktar strateġiku lejn il-koproduzzjoni, qed nappoġġjaw it-tkabbir kontinwu u lħuq globali fir-rakkontar ta’ stejjer Maltin.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ PBS, Ing. Keith Chetcuti qal, “Is-sħubija ta’ Malta f’Eurimages hija pass importanti u ġġib magħha responsabbiltà li s-settur ikun mħejji b’mod xieraq biex jibbenifika kemm jista’ mill-opportunitajiet il-ġodda. Mill-proċess tas-sħubija diġà rajna kemm huma rigorużi r-rekwiżiti ta’ dan il-fond. Għal din ir-raġuni, dan l-avveniment illum huwa partikolarment importanti għaliex se jgħin biex żvilupp maġġuri jinbidel f’għarfien prattiku għall-produtturi u għall-produtturi tal-films. Bħala x-xandar nazzjonali, il-PBS iqis dan bħala parti mir-rwol usa’ tiegħu fi ħdan l-ekosistema awdjoviżiva ta’ Malta – rwol li jinkludi li jgħin lil stejjer lokali biex jikbru u biex jilħqu lil iżjed udjenzi, u li jappoġġja settur b’rieda ikbar li jinteraġġixxi ma’ pjattaformi Ewropej usa’.”
L-għan ta’ Unlocking Opportunities with Eurimages hu li jitbiegħed minn termini teoretiċi sabiex jagħti iktar informazzjoni dwar kif jaħdem il-fond. Il-parteċipanti kisbu iktar ċarezza dwar il-kriterji involuti u l-iskemi disponibbli filwaqt li kien hemm panel ta’ diskussjoni ffukat fuq il-ħtieġa ta’ ħsieb iktar profond sabiex ikun hemm approċċ iktar strateġiku lejn il-koproduzzjoni internazzjonali.
Il-programm inkluda preżentazzjoni minn rappreżentant ta’ Eurimages Anton Calleja. Il-preżentazzjoni kopriet il-missjoni tal-fond, l-għanijiet, l-iskemi u r-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, b’ħin iddedikat għall-mistoqsijiet tal-parteċipanti. Waranofsinhar, il-focus mexa għall-koproduzzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni. Il-panel ta’ diskussjoni kien moderat minn speċjalista tal-koproduzzjoni, Jennifer Sabbah, akkumpanjata minn Anton Máni Svannson mill-Iżlanda, Boštjan Virc mis-Slovenja, Christopher Zitterbart mill-Ġermanja u Giorgos Linardakis mill-Greċja.
Id-diskussjoni ħarset lejn ir-realtajiet tal-kollaborazzjoni internazzjonali inkluż kif wieħed jidentifka l-aħjar sħab għall-koproduzzjoni u kif jistgħu jiġu żviluppati proġetti biex mill-bidu nett, ikun hemm potenzjal internazzjonali iktar b’saħħtu. Il-programm għalaq b’sessjoni ta’ networking għall-produtturi, prattikanti u msieħba oħrajn fl-industrija.


