Tuesday, October 14, 2025

Il-Kunsill Malti għall-Arti se jippreżenta konferenza nazzjonali dwar l-edukazzjoni tal-arti

“Insawru l-Futur”, il-konferenza se tniedi diskussjoni nazzjonali dwar il-futur tal-edukazzjoni tal-arti f’Malta.

Aqra wkoll

Fit-30 t’Ottubru, il-Kunsill Malti għall-Arti se jtella’ Konferenza Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni tal-Arti, fil-kampus tal-MCAST, Raħal Ġdid. Il-konferenza se toffri pjattaforma nazzjonali għal djalogu, riflessjoni, u azzjoni dwar il-ġejjieni tal-edukazzjoni tal-arti f’Malta.

Din il-konferenza tinawgura l-pass li jmiss fi vjaġġ kontinwu għall-ħolqien ta’ Akkademja Nazzjonali għall-Arti Performattiva u Viżwali. Din l-idea ġiet proposta oriġinarjament fil-manifest elettorali ta’ Malta tal-2022, u ġiet żviluppata fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024–2030. Il-proċess ta’ riċerka beda fl-2024 bl-abbozzar ta’ rapport ikkummissjonat b’mod konġunt mill-Kunsill u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni lill-ARC Research and Consultancy.

Sa issa, il-konsultazzjonijiet ikkonfermaw il-potenzjal impressjonanti tas-settur, iżda wkoll jitfgħu dawl fuq l-isfidi urġenti li dan jaffaċċja, fosthom nuqqas ta’ finanzjament li ilu għaddej flimkien ma’ nuqqasijiet kbar fl-infrastruttura fost l-istituzzjonijiet.

Aktar minn twaqqif ta’ istituzzjoni awtonoma, ġdida għalkollox, ir-riżultati ta’ din ir-riċerka jippuntaw lejn mogħdija aktar strateġika u sostenibbli – l-iżvilupp ta’ ‘ekoloġija akkademika’. Dan il-mudell kollaborattiv jgħaqqad istituzzjonijiet eżistenti taħt viżjoni komuni, waqt li jirrispetta u jżomm l-awtonomija individwali tagħhom.

Konverżazzjoni bejn il-parteċipanti mis-setturi kulturali u kreattivi

Il-konferenza ta’ ġurnata se tlaqqa’ esperti lokali u internazzjonali, edukaturi, artisti, studenti, mexxejja kulturali, u uffiċjali li jfasslu l-politika biex jesploraw approċċi ġodda għall-edukazzjoni tal-arti. Il-kelliema mistiedna, dawk fuq il-panel, kif ukoll min se jattendi, se jkollhom l-opportunità jaqsmu prattiċi li kisbu suċċess, kif ukoll jiddiskutu kif dawn l-ideat jistgħu jissawru biex jaqdu l-ħtiġiet ta’ Malta.

Il-punti ewlenin huma:

  • Diskors ewlieni li jesplora l-irwol ta’ akkademja tal-arti fis-seklu 21, b’enfażi fuq interdixxiplinarjetà, sostenibbiltà, u kura.
  • Diskussjoni fuq panel ma’ esperti internazzjonali li tirrifletti fuq il-politika, il-mudelli istituzzjonali, u l-istrateġiji għal sistema edukattiva tal-arti reżiljenti u inklużiva.
  • Serje ta’ dokumenti ta’ pożizzjoni minn istituzzjonijiet ewlenin f’Malta, li joffru għarfien dwar l-isfidi, il-prijoritajiet, u l-irwoli potenzjali li jipprevedu fi ħdan ekosistema ta’ akkademja fil-ġejjieni.

Il-konferenza għandha l-għan li toħloq pjan direzzjonali għall-edukazzjoni tal-arti f’Malta li jħares ’il quddiem kif ukoll ikun inklużiv, li jwitti t-triq biex jemanċipa lill-istituzzjonijiet u jgħin lill-edukaturi u l-istudenti, waqt li jirrifletti l-għanijiet kulturali u edukattivi ta’ Malta fuq livell nazzjonali u internazzjonali.

Id-diskors ewlieni u d-diskussjoni bejn il-panel se jsiru bl-Ingliżi. Id-dokumenti ta’ pożizzjoni se jiġu ppreżentati bl-Ingliż jew bil-Malti, bi traduzzjoni fejn meħtieġ.

Il-parteċipazzjoni fil-konferenza hija miftuħa għall-pubbliku. Madankollu, l-ispazji huma limitati u se jiġu allokati fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. Il-programm sħiħ u d-dettalji tar-reġistrazzjoni issa huma disponibbli fuq www.artscouncilmalta.gov.mt. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport