Saturday, May 4, 2024

Il-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar jingħata vann elettriku sabiex jintuża għal skopijiet komunitarji

Aqra wkoll

Il-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar, li jinkorpora fih tnax-il kunsill lokali, ibbenefika minn għotja mill-aġenzija LESA wara talba li ressaq għax-xiri ta’ vann elettriku sabiex jintuża għal skopijiet komunitarji.

Waqt il-preżentazzjoni tal-vann elettriku lill-kunsill reġjonali, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fakkar li fl-aħħar tliet snin, aktar minn €3.25 miljun ġew allokati mill-aġenzija LESA sabiex jitwettqu diversi proġetti fil-lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex. Huwa qal li fil-jiem li ġejjin se jitħabbar it-tiġdid tal-iskema tal-LESA għal tliet snin oħra sabiex din l-aġenzija tkompli tinvesti f’diversi proġetti li jitressqu mill-kunsilli lokali sabiex igawdu l-komunitajiet diversi fil-Gżejjer Maltin.

“Il-gvern jibqa’ kommess li jsostni l-investiment fi proġetti li jolqtu u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità,” qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli rrimarkat li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-kunsilli reġjonali huwa li jsostnu u jassistu lill-kunsilli lokali fi ħdanhom fil-ħidma tagħhom. Hija qalet li dan il-vann tal-elettriku se jkun għodda oħra meħtieġa u ta’ użu bżonjuż fil-ħidma tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar. Hija faħħret l-impenn tal-kunsill reġjonali sabiex kiseb il-fondi għal dan il-vann, li permezz tiegħu se jkun qed isaħħaħ is-servizz tiegħu lejn it-tnax-il kunsill lokali fi ħdanu.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-President tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar, Jesmond Aquilina, u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport