Thursday, October 10, 2024

Il-Kunsill ta’ San Pawl b’azzjoni kontra x-xorb fit-toroq

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Fl-aħħar jiem, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għadda bylaw, li permezz tagħha ma jistax isir aktar xorb fit-toroq, fuq il-bankini, fil-pjazez, fil-promenade u fil-ġonna li jagħmlu parti mill-konfini ta’ dan ir-raħal. 

Din kienet kwistjoni li ilha għaddejja f’din il-lokalità, fejn bosta persuni kienu qegħdin jintefgħu fi qtajja’ jixorbu barra u wara li jiskru jdejqu lin-nies jew anke jiġġieldu bejniethom.

Din il-bylaw titlob li ebda persuna ma titlajja f’xi post imsemmi filwaqt li jkollha xi xorb alkoħoliku. 

Barra hekk, titlob li l-istabbilimenti kummerċjali, fosthom anke l-lukandi u l-ħwienet li jbigħu x-xorb, ikollhom avviż bil-Malti u bl-Ingliż rigward din il-bylaw. Anke min jorganizza xi attività f’din il-lokalità jrid jobdi ma’ din il-bylaw u jeħtieġ li jġib permess mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. 

Ta’ min wieħed jgħid li l-bylaw għaddiet bil-patt li ssir emenda biex ikun jista’ jsir xorb fuq il-bajjiet. Filwaqt li wieħed jifhem li huma bosta dawk li jmorru jieklu u jixorbu fuq il-bajja, min-naħa l-oħra jkun tajjeb li issa jsir inforzar biex min jixrob ħdejn il-bajja, ma jarmix il-laned u l-fliexken fuq il-blat. 

Din il-bylaw ġiet immexxija mill-Kunsillier żagħżugħ Carlos Zarb li f’kummenti fuq il-midja soċjali qal li issa jistenna għal meta tiġi approvata din il-bylaw mill-Parlament ħalli jkun jista jibda jsir l-inforzar tagħha. Qal li hu jħossu kburi li mexxa din il-bylaw u li ressaqha ‘l quddiem kemm seta’. Saħaq li hu ġie elett biex iservi lir-residenti u hekk bi ħsiebu jkompli jagħmel. 

Sport