Monday, December 23, 2024

Il-Kunsill tal-Ewropa jilqa’ l-liġi dwar bilanċ bejn is-sessi fil-Parlament

Aqra wkoll

Il-Kunsill tal-Ewropa laqa’ b’mod pożittiv l-adozzjoni riċenti ta’ abbozz ta’ liġi biex ikun hemm bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fil-Parlament u ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jieħdu passi ulterjuri biex ir-rappreżentanza tan-nisa tkun avvanzata wkoll fi rwoli ta’ tmexxija u f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livelli politiċi kollha.

Dan ġie nnutat mill-Kummissarju għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Dunja Mijatovic, li żaret Malta bejn il-11 u s-16 ta’ dan ix-xahar. 

Filwaqt li saħqet fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, hija nsistiet biex l-awtoritajiet Maltin minnufih jibdew idaħħlu fis-seħħ riformi estensivi biex jassiguraw is-sigurtà tal-ġurnalisti u jindirizzaw in-nuqqas ta’ fiduċja fil-midja f’Malta. Dan għandu jsir permezz ta’ ħidma koordinata kontra t-theddid u l-fastidju fuq il-ġurnalisti, inkluż online, sabiex jiġu provduti miżuri ta’ protezzjoni adegwata, stqarret il-Kummissarju Mijatovic.

Hija żiedet tgħid li aktar għarfien fost il-Pulizija u djalogu bejn dawk responsabbli mill-infurzar tal-liġi u l-professjonisti tal-midja huma vitali f’dan ir-rigward.

Mill-banda l-oħra, qieset bħala inkoraġġanti l-inizjattivi riċenti sabiex jindirizzaw il-problemi li jirriżultaw mill-użu ta’ kawżi vessatorji, magħrufa bħala SLAPP. Il-Kummissarju tenniet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Awtoritajiet Maltin biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni rilevanti tiġi adottata mingħajr dewmien.

Dwar l-immigrazzjoni, il-Kummissarju Dunja Mijatovic saħqet li l-Awtoritajiet Maltin m’għandhom jieħdu ebda azzjoni, diretta jew mhix, li twassal biex immigranti jintbagħtu lura l-Libja li għadha meqjusa bħala pajjiż mhux sigur.

Fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa, il-Kummissarju Mijatovic irrimarkat li għandhom jittieħdu dawk il-miżuri li jwasslu għall-ugwaljanza bejn is-sessi bilgħan ukoll li jiġu megħluba l-pregudizzji bbażati fuq l-idea tradizzjonalistika li n-nisa huma inferjuri.

Waqt li nnutat li l-legislazzjoni ta’ Malta li tipprovdi għal projbizzjoni tal-abort, tibqa waħda mill-iktar restrittivi fost il-membri tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissarju Mijatovic talbet lill-awtoritajiet biex b’mod urġenti jirrevokaw id-dispożizzjonijiet li jinkriminalizzaw l-abort u jizguraw l-aċċess tan-nisa kollha għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inkluż kura tal-abort sigura u legali.

Hija laqgħet id-dibattitu li qed jiżviluppa dwar din il-kwistjoni iżda saħqet li l-fatt li l-abort għadu kriminalizzat u stigmatizzat mhux biss ipoġġi s-saħħa tan-nisa f’riskju iżda jaffettwa wkoll it-tgawdija ugwali tagħhom ta’ drittijiet umani oħra.

Ekonomija

Sport