Saturday, December 21, 2024

Il-Kunsill tas-Sigurtà jadotta riżoluzzjoni mmexxija minn Malta dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati

Aqra wkoll

Il-Ġimgħa, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta formalment riżoluzzjoni ippreżentata minn Malta, sabiex issaħħaħ l-isforzi internazzjonali għall-ħarsien tat-tfal f’żoni ta’ kunflitti armati.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg laqa’ l-adozzjoni ta’ din ir-reżoluzzjoni bħala kisba sinifikanti għal Malta, hekk kif qed toqrob lejn tmiem it-terminu ta’ sentejn tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà, fejn it-Tfal u l-Kunflitti Armati (Children and Armed Conflict – CAAC) kien suġġett ewlieni tal-ħidma ta’ pajjiżna.

Ir-riżoluzzjoni mmexxija minn Malta, li ġiet adottata bl-appoġġ ta’ aktar minn 100 stat membru tan-Nazzjonijiet Uniti bħala co-sponsors, tirrappreżenta pass ċentrali lejn it-tisħiħ tal-isforzi globali biex jiġu protetti t-tfal milquta minn kunflitti armati. Ir-riżoluzzjoni ssaħħaħ ir-rispons tal-komunità internazzjonali għall-ksur gravi kontra t-tfal f’kunflitt armat u tafferma mill-ġdid l-importanza tas-salvagwardja tat-tfal waqt it-tranżizzjonijiet ta’ operazzjonijiet ta’ paċi u l-ħtieġa għal kapaċitajiet ta’ protezzjoni tat-tfal sostenibbli. Titlob ukoll trasferiment responsabbli tar-responsabbiltajiet tal-protezzjoni tat-tfal lit-timijiet tal-pajjiżi tan-Nazzjonijiet Uniti u tafferma mill-ġdid ir-rwol kritiku tal-konsulenti tal-protezzjoni tat-tfal fil-mandati tal-missjonijiet. Tenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ approċċi mfassla apposta biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-bniet u s-subien affettwati mill-kunflitti.

“Aħna nibqgħu imħassba ferm dwar il-vjolazzjonijiet gravi li jsiru kontra t-tfal f’żoni ta’ kunflitti madwar id-dinja. F’dan ir-rigward, it-tmexxija ta’ Malta fl-adozzjoni b’suċċess ta’ din ir-riżoluzzjoni tirrifletti l-impenn tagħna li niżguraw li l-protezzjoni tat-tfal tibqa’ prijorità fl-isforzi tal-bini tal-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti,” qal id-Deputat Prim Ministru. 

Matul is-sentejn tagħha li ppresediet il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati (2023-2024), Malta kellha rwol ċentrali fin-negozjar ta’ fuq 11-il file speċifiku għal pajjiżi relatati mas-CAAC. Mexxiet ukoll żjarat fin-Niġerja fl-2023 u l-Kolombja fl-2024, fejn kompliet turi l-impenn tagħha biex issaħħaħ l-isforzi internazzjonali għall-ħarsien tat-tfal milquta’ minn kunflitti armati.

Artiklu preċedenti
Ekonomija

Sport