Sunday, December 22, 2024

“Il-kuntatt jgħinna nsibu soluzzjonijiet għal sfidi speċifiċi li jkollhom l-irħula u l-ibliet tagħna”

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela kompla jiltaqa’ ma’ diversi Sindki ta’ rħula differenti. Ilbieraħ kien imiss il-lokalità ta’ San Ġiljan wara li l-Prim Ministru laqa’ t-talba tas-Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg, u ltaqgħu flimkien fl-uffiċini tal-Kunsill ta’ San Ġiljan. 

F’din il-laqgħa ġew diskussi diversi sfidi li qed jaffaċċjaw ir-residenti ta’ din il-lokalità fosthom il-bżonn ta’ aktar sigurtà. Temi oħra li ġew diskussi huma l-ħruġ tal-iskart mill-entitajiet kummerċjali u short lets, l-istorbju, l-escooters, in-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet u l-fondi tal-Kunsill. 

Ġiet diskussa wkoll t-talba tal-Kunsill sabiex il-Palazz Spinola jinbidel f’ċentru ċiviku. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Viċi Sindku, il-Minority leader kif ukoll id-Deputat Segretarja. 

“Il-kuntatt jgħinna nsibu soluzzjonijiet għal sfidi speċifiċi li jkollhom l-irħula u l-ibliet tagħna” qal il-Prim Ministru Robert Abela f’kitba fuq il-midja soċjali.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru ltaqa’ mas-Sindku tal-Ħamrun u s-Sindku tal-Marsa. Talk.mt ħa l-kummenti tas-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi fejn qalilna li hu u s-Sindku tal-Ħamrun tkellmu b’mod komdu u b’mod skjett mal-Prim Ministru u rappreżentant mill-Ministeru għall-Intern dwar is-sigurtà fil-lokalitajiet tagħhom u l-impatt tal-preżenza ta’ numru mhux żgħir ta’ barranin li mhux neċessarjament jgħixu l-Marsa.

Ekonomija

Sport