Iż-żgħożija hija l-qabża mit-tfulija għall-fażi ta’ meta l-bniedem jibda l-vjaġġ lejn il-maturità. Għalhekk żmien iż-żgħożija mhux biss huwa żmien sabiħ imma wkoll hija espressjoni lejn fejn kull żagħżugħ ikun jixtieq imur.
F’dan il-perjodu, iż-żgħażagħ għalkemm jibdew jesperjenzaw ammont ta’ libertà però fl-istess ħin jibqgħu jridu lill-ġenituri jappoġġjawhom u jiggwidawhom f’ħajjithom. Dan sar magħruf minn studju li saru li r-riżultati ġew imħabbra ftit ilu.
Dan l-istudju sar ukoll fost diversi ġenituri li l-parti l-kbira tagħhom urew li l-akbar biża’ li għandhom dwar uliedhom hija l-abbuż mis-sustanzi u d-dipendenza fuq it-teknoloġija. Minkejja li t-teknoloġija hija xempju tal-progress, jekk tkun dipendenti fuqha jew tintuża ħażin tista’ twassal biex iż-żgħażagħ jittraskuraw l-edukazzjoni tagħhom.
Studju tal-istatistiku Dr Vincent Marmarà kien wera li ż-żgħażagħ għandhom bżonn aktar ħin mal-ġenituri tagħhom fejn ukoll mill-istess stħarriġ ħareġ li ftit aktar minn 60% tal-ġenituri Maltin iddikjaraw li jqattgħu inqas minn ħames sigħat kuljum ma’ wliedhom.
Fattur li fis-soċjetà tagħna tal-lum huwa xi ftit inkwetanti. Dan għall-fatt li l-pass mgħaġġel li bih qed tinbidel is-soċjetà, in-nuqqas ta’ kuntatt bejn iż-żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom jista’ jkun detrimentali għall-iżvilupp intellettwali tagħhom.
Dan ukoll jista’ jagħti lok biex iż-żagħżugħ/a minflok ifittxu l-parir siewi mingħand il-ġenituri tagħhom, dan ir-rifuġju jsibuh, tajjeb jew ħażin, fil-ħbieb li jagħmluha magħhom. Fin-nuqqas ta’ dan il-kuntatt, ħafna drabi l-ġenituri jibdew iħossuhom imwarrbin minn uliedhom stess.
Aktarx li f’sitwazzjoni bħal din il-ġenituri jibdew jistaqsu jekk ukoll ma jħossuhomx ħatja li kienu huma stess li taw spazju limitat għal dan il-kuntatt ma’ wliedhom. Fuq kollox sitwazzjonijiet bħal dawn mhumiex feliċi għas-soċjetà futura billi din tiddependi ħafna fuq l-impenn soċjali taż-żgħażagħ.
Ninnutaw iżda b’sodisfazzjon li s-soċjetà saret konxja ta’ dawn il-problemi u ħolqot programmi apposta biex jikkoreġu ċertu defiċjenzi eżistenti u jkunu ta’ sostenn għall-ġenituri fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ wliedhom, speċjalment dawk żgħażagħ.